Il-Papa jiddiskuti mal-President Ungeriż il-Kungress Ewkaristiku li se jsir f’Budapest

Il-Papa Franġisku f'laqgħa mal-President Ungeriż

Nhar  il-Ġimgħa li għadda filgħodu il-Papa Franġisku laqa’ lil Janos Ader, il-President tar-Republika tal-Ungerija.

F’komunikat maħruġ mill-Uffiċċju Stampa tal-Vatikan wara din il-laqgħa ntqal likienet laqgħa kordjalli li matulha saru diskussjonijiet u kienu espressi apprezzamenti għar-relazzjonijiet bilaterali tajba bejn iż-żewġ stati.

Fl-istqarrija ntqal li ż-żewġ mexxejja fiċ-ċentinarju mill-bidu tar-relazzjonijiet bejn is-Santa Sede u l-Ungerija li mbagħad reġgħu kienu stabbiliti 30 sena ilu.

Il-Papa Franġisku u l-President Ungeriż iddiskutew ukoll dwar iċ-ċelebrazzjoni tat-52 Kungress Ewkaristiku Internazzjonali li se jsir f’Budapest – il-kapitali Ungeriża – f’Settembru li ġej.

L-Uffiċċju Stampa tal-Vatikan żied jinforma li tul il-laqgħa kienu diskussi diversi temi oħra ta’ nteress reċiproku fosthom il-ġustizzja soċjali, il-promozzjoni tal-familja, il-protezzjoni tal-ħolqien u l-preżent u l-futur tal-Ewropa.

Wara din il-laqgħa, il-President tal-Ungerija kellu wkoll laqgħa mas-Segretarju tal-Istat tal-Vatikan, il-Kardinal  Pietro Parolin, li kien akkumpanja mis-Sotto Segretarju għar-Relazzjonijiet mal-Istati, Mons. Miroslaw Wachowski.