Il-Papa jiddiskuti l-piena tal-mewt u l-armi nukleari mal-ġurnalisti

Il-Papa Franġisku jkellem lill-ġurnalisti fuq l-ajruplan lura minn Tokyo lejn Ruma

Waqt il-konferenza stampa fuq l-ajurplan fi triqtu mill-Vjaġġ Pastorali fit-Tajlandja u l-Ġappun, il-Papa Franġisku tkellem mal-ġurnalisti fuq il-vjaġġ li kien għadu kif temm kif ukoll fuq temi oħra fosthom il-piena tal-mewt u l-armamenti nukleari.

Għall-Papa Franġisku dan il-vjaġġ kellu sinjifikat pesonali kbir kemm għaliex temm xewqtu li jżur il-Ġappun kif ukoll għaliex fit-Tajlandja ngħaqad ma soru li tiġi kuġintu u li fil-vjaġġ servitu bħala interpretu.

Il-Papa tkellem dwar id-differenza bejn iż-żewġ pajjiżi Asjatiċi li filwaqt li l-popolazzjoni Kattolika tagħhom hi anqas minn 1%, it-Tajlandja hi pajjiż fqir ħafna filwaqt li l-Ġappun għandu ġid u prosperità ekonomika.

Meta wieġeb diversi domandi dwar l-armamenti nukleari, l-Papa Franġisku qal li “Hiroshima hi katakeżi vera dwar il-krudelta umana”.

F’laqgħa li kellu f’din il-belt, il-Papa sema’ individwalment lill-vittmi tad-diżastru nukleari u l-istess għamel f’Nagasaki li hi l-kapitali Kattolika tal-Ġappun u talab, offra kliem ta’ wens u ċċelebra quddiesa għal dawn in-nies.

Katakeżi tal-krudelta

“Nagasaki, kollox sew, l-aktar li hemm l-insara, kien hemm bomba atomika, u tieqaf hemm. Iżda f’Hiroshima għandha biss il-bomba atmoka imma mhix belt nisranija bħal Nagasaki. Għalhekk riedt immur fiż-żewġt ibliet.  Veru li t-tnejn intlaqtu mid-diżastru nukleari, imma Hiroshima kienet verament katakeżi umana fuq il-kefrija”, insista l-Papa.

Meta l-Papa San Ġwanni Pawlu II kien żar Hiroshima kien għamel appell għall-paċi u bih daqq l-allarm dwar it-tiġrija tal-armamenti nukleari.  Issa l-Papa Franġisku fakkar lil dawk li kienu preżenti f’din il-belt u l-użu u l-pusses tal-armi nukleari hu immorali.

F’Nagasaki il-Papa ftakar fl-istorja tal-martri u qal li din hi ċ-ċentru Kattoliku tal-pajjiż, iżda l-ħin li għamel f’Hiroshima ġiegħlu jirrifletti dwar il-bumbardament fuq din il-belt u l-ħsara li ħalla. “Għalija l-esperjenza ta’ Hiroshima kienet kommoventi ħafna”.

Theddida għall-umanità    

Filwaqt li reġa’ tenna li l-użu u l-pusses tal-armi nukleari hu immorali, il-Papa wissa’ li “il-ġenn ta’ persuna waħda jista’ jeqred l-umanità”.

Il-Papa żied iwissi li mqar il-pussess biss tan-nukleari jista’ u fil-fatt wassal għal avvenimenti katastrofiċi u fakkar f’dak li ġara fil-11 ta’ Marzu 2011 f’Fukushima fejn seħħew fl-istess jum terremot qawwi li kkawża tsunami li ġieb spluħjoni f’impjant nukleari u mietu 20,000 persuna u 200,000 oħra spiċċaw bla dar.

Fil-konferenza stampa l-Papa Franġisku wieġeb domandi dwar dak li qed iseħħ f’Hong Kong, l-Amerika Latina u l-iskandli finanzjarji fil-Vatikan.

Ġurnalist Ġappuniż staqsa lill-Qdusija Tiegħu għaliex waqt il-Quddiesa fit-Tokyo Dome ma ltaqax mal-persuna li kien kundannat għall-mewt. Il-Papa qal li ma kienx infurmat bil-każ ħlief wara li ntemmet il-Quddiesa iżda sostna li l-piena tal-mewt hi immorali u ma għandha qatt tingħata.

Mhux biss f’Hong Kong

Dwar Hong Kong il-Papa qal li dak li qed jiġri hemm hu fenomenu li mhux limitat biss għal dak il-pajjiż. Biżżejjed wieħed jiftakar x’qed jiġri fiċ-Ċile, jew fi Franza demokratika, fin-Nicaragua u pajjiżi oħra tal-Amerika Latina.

Il-ġurnalista ta’ Reuters staqsa dwar ir-riforma finanzjarja tal-Vatikan. Il-Papa qal li l-ħames individwi li kienu sospiżi wara xi tfittxijiet li saru fuq ordni tal-prosekuturi tal-Vatikan, dalwaqt ikunu nterrogati biex jinstab humiex ħatja jew le. Hu nsista li f’kull każ wieħed irid jitlaq mill-preżunzjoni tal-innoċenza.

Dwar l-iskandli finanzjarji tal-Vatikan il-Papa qal li hu kuntent għax “kollox kien iċċarat minn mekkaniżmi interni li jidher li bdew jaħdmu”. Hu faħħar l-isforzi li kien għamel il-Papa Benedittu XVI biex iwaqqaf il-korruzzjoni tul il-Pontifikat tiegħu.

l-Amerika Latina qed taqbad

Ġurnalista ta’ Televisa qalet li l-Amerika Latina qed taqbad u staqsiet lill-Papa għall-analiża speċifika tiegħu għal din is-sitwazzjoni u jekk b’xi mod kienx qed jirreaġixxi għaliha.

Il-Papa Franġisku kkonferma mill-ewwel li s-sitwazzjoni qed taqbad iżda ma setax isegwi mill-qrib is-sitwazzjoni biex jagħmel analiżi sħiħa. Madankollu hu esprima s-solidarjetà ma’ dawn il-popli u qal li l-Vatikan qed jipprova jgħin.