Il-Papa jiddiskuti l-kriżi umanitarja fil-Kongo mal-President tal-pajjiż

Il-Papa Franġisku mal-President tal-Congo waqt l-udjenza fil-Vatikan

Tard il-ġimgħa li għaddiet, il-Papa Franġisku kellu udjenza fil-Vatikan ma’ Félix Antoine Tshilombo Tshisekedi, President tal-Kongo li fiha tkellmu dwar il-kriżi f’dan il-pajjiż Afrikan.

Stqarrija maħruġa mill-Uffiċċju Stampa tal-Vatikan qalet li waqt id-diskussjoni kordjali ta’ bejniethom, il-Papa u Tshisekedi esprimew is-sodisfazzjon tagħhom għar-relazzjonijiet bilaterali tajbin li hemm bejn il-Kongo u s-Santa Sede kif ukoll għar-ratifika tal-Qafas ta’ Ftehim bejn iż-żewġ stati dwar materji ta’ nteress komuni.

F’dan il-kuntest kien enfasizzat il-kontribut tal-Knisja Kattolika fil-proċess demokratiku u l-promozzjoni tal-ġid komuni u l-iżvilupp integrali tal-Kongo, partikolarment fl-oqsma tal-edukazzjoni u s-saħħa.

Id-diskussjoni bejn il-Qdusija Tiegħu l-Papa Franġisku u l-President tal-Kongo mbagħad dahret fuq is-sitwazzjoni attwali fil-pajjiż Afrikan b’riferenza partikolari għat-tbatija tal-popolazzjoni li tgħix fil-provinċji tal-Lvant tal-pajjiż kaġunata mill-ġlied armat li għaddej kontinwament kif ukoll mit-tixrid tal-virus tal-Ebola.

Fl-aħħarnett, iż-żewġ mexxejja tkellmu dwar il-ħtieġa ta’ kollaborazzjoni u kooperazzjoni urġenti kemm fuq livell nazzjonali kif ukoll fuq livell internazzjonali, biex tkun protetta d-dinjità umana u l-koeżistenza ċivili, ibda mill-ħafna refuġjati u persuni li kellhom jitilqu minn djarhom li qed jiffaċċjaw kriżi umanitarja kbira.

Wara l-udjenza mal-Papa, il-President tal-Kongo kellu laqgħa mal-Kardinal Pietro Parolin, Segretarju tal-Istat tal-Vatikan li kien akkumpanjat mill-Arċisqof Paul Richard Gallagher, Segretarju tal-Vatikan għar-Relazzjonijiet mal-Istati barranin.