Il-Papa jiddiskuti l-immigrazzjoni u d-diżarm nukleari mal-Mexxej Awstrijak

Nhar it-Tnejn li għadda l-Papa Franġisku ltaqa’ mal-iżgħar mexxej politiku Ewropew fil-Vatikan, u flimkien iddiskutew diversi suġġetti fosthom l-immigrazzjoni, id-diżarm nukleari u l-ħtieġa li jkunu promossi l-paċi u s-solidarjetà.
Sebastian Kurz, li għandu 31 sena, hu l-Kanċillier Awstrijak u hu l-iżgħar mexxej politiku fl-Ewropa. Qabel inħatar Kanċillier kien Ministru tal-Affarijiet Barranin ta’ pajjiżu.
Fid-delegazzjoni Awstrijaka li żaret il-Vatikan kien hemm ukoll Wilfried Haslauer, il-Gvernatur ta’ Salzburg. Il-preżenza tiegħu fid-delegazzjoni riedet tfakkar il-200 anniversarju tal-għanja magħrufa tal-Milied “Silent Night” li kienet kantata għall-ewwel darba fil-Knisja ta’ Oberdorf f'Salzburg fil-lejl tal-Milied tal-1818.
Stqarrija maħruġa mill-Vatikan wara l-laqgħa privata ta’ madwar 35 minuta tgħid li t-tema ewlenija tad-diskussjoni kienet l-immigrazzjoni, imma kienu diskussi wkoll il-ġid komuni partikolarment fir-rigward ta’ dawk l-aktar vulnerabbli u l-bżonn li tissaħħaħ is-solidarjetà, l-aktar fejn tidħol il-protezzjoni tal-ħajja u l-familja.
Il-Papa u Kruz qalu xi kliem bejniethom bil-Ġermaniż. Il-Kanċillier Awstirjak, bħala rigal ta lill-Papa ċertifikat li jfakkar l-anniversarju tas-Silent Night u stiednu jżur l-Awstrija għaċ-ċelebrazzjonijiet li se jsiru biex ifakkru dan l-anniversarju.
Min-naħa tiegħu, il-Qdusija Tiegħu l-Papa ta lill-Kanċillier medalja li turi lil San Mikiel joqtol lix-xitan kif ukoll kopji tal-Eżortazzjonijiet Appostoliċi Evangelii Gaudium, Laudato Si u Amoris Laetitia.
Wara l-laqgħa mal-Papa, Sebastian Kurz kellu laqgħa mas-Segretarju tal-Istat tal-Vatikan, il-Karidnal Pietro Parolin, u Mons. Antoine Camilleri, Sotto-Segretarju tar-Relazzjonijiet mal-Istati, li riċentement inħatar Nunzju Appostoliku mill-Papa Franġisku.