Il-Papa jiddefendi lill-Kardinal Maradiaga

Il-Papa Franġisku kellem bit-telefon lill-Kardinal Oscar Maradiaga tal-Honduras biex jurih l-appoġġ tiegħu wara li kontra l-Kardinal saru diversi allegazzjonijiet deskritti bħala kalunjużi. Il-Papa qal lil Maradiaga biex ma jinkwetax u wera d-dispjaċir tiegħu quddiem dawn l-attakki.
l-Kardinal wieġbu: “Jien għandi l-paċi għax jien ma Alla li jaf x’hemm fil-qalb ta’ kulħadd”.
Il-Kardinal Oscar Maradiaga tal-Honduras qed jiffaċċja allegazzjonijiet dwar tmexxija finanzjarja ħażina ta’ flus il-Knisja u li aċċetta mijiet ta’ eluf ta’ dollari minn Universita’. Madankollu s’issa ma ħarġu ebda akkużi formali kontrih.
Il-Kardinal Madringa hu wieħed minn disa’ Kardinali li l-Papa Franġisku għażel biex jgħinuh fir-riforma tal-Kurja tal-Vatikan. Ħafna jqisu l-attakki kontra Maradiaga bħala attakki indiretti kontra l-Papa. Saċerdot mid-djoċesi qed jgħid li dawn l-allegazzjonijiet kontra l-Kardinal qed isiru biex il-Papa jkun sfurzat jilqa’ r-riżenja tiegħu peress li għalaq il-75 sena.
Il-Kardinal qal li s-serjeta’ titlob li qabel tkun publikata storja l-ġurnalist għandu jisma lill-persuna akkużata.  Qal li l-inġurja hi dnub imma hi wkoll delitt kriminali. Hu qal li l-flus li rċieva mill-Universita ma użahomx għalih personalment imma biex għen lill-foqra, offra servizzi ta’ saħħa lill-morda u dawk fil-bżonn u biex jgħin saċerdoti li qed jaħdmu f’parroċċi rurali.