Il-Papa jiddefendi Isqof Ċilen minn kalunja

Il-Papa Franġisku iddefenda Isqof Ċilen akkużat li għatta abbużi sesswali minn saċerdot fuq xi tfal, u qal li dawn l-akkużi kienu biss kalunja fuq l-Isqof Juan Barros Osorno.
Persuni li kienu abbużati u li ltaqgħu mal-Papa waqt iż-żjara tiegħu fiċ-Ċilì, akkużaw lill-Isqof li baqa’ sieket wara li ra lil Fr. Fernando Karadima, jabbuża minn minuri. 
Is-saċerdot eventwalment  kien instab ħati mill-Vatikan u kkundannat għal għomru għal ħajja ta’ talb u penitenza.
Meta Juan Barros Osorno nħatar Isqof, kien hemm protesti kbar iżda l-Papa Franġisku, li ħatru, baqa’ jiddefendih u jgħid li ma kien hemm ebda provi kontrih.
Mistoqsi mill-ġurnalisti fl-aħħar ġurnata taż-żjara tiegħu fiċ-Ċilì jekk għadux jiddefendi lill-Isqof, il-Papa Franġisku wieġeb: “Meta xi ħadd iġib xi prova kontra l-Isqof Barros, imbagħad nitkellem. M'hemm anqas biċċa prova kontrih. Din kalunja. Qed inkun ċar?”
L-Isqof irringrazzja lill-Papa għall-kummenti tiegħu u qal li għandu biss kliem ta’ gratitudni għalih. “Il-Papa kien ċar ħafna. Jien se nkompli naqdi l-ministeru tiegħi fis-servizz tal-Knisja”.
Dawn il-kummenti ma niżlux tajjeb ma’ dawk li kienu abbużati.
Wieħed minn dawk li l-aktar huma kritiċi tal-Isqof Barros qal “bħallikieku stajt nieħu steddu jew ritratt ta’ Fr Karadima jabbużani u lil oħrajn bl-Isqof jara kollox. Xejn ma nbidel, it-talba tal-Papa għall-maħfra kienet vojta”.
Il-ħatra tal-Isqof Barros ġiebet firda fid-djoċesi ta’ Osorno. Xi Kattoliċi fil-parroċċa jsostnu li l-kriżi pastorali fil-parroċċa hi biżżejjed biex l-Isqof jitneħħa.
Madankollu, xjenzjat politiku fl-Università ta’ Santiago qal li ċ-Ċileni japprezzaw li l-Papa Franġisku għamel ferm aktar mill-isqfijiet lokali u rrikonoxxa li kien sar abbuż sesswali fuq tfal minn xi saċerdoti.