Il-Papa jiddefendi bil-qawwa d-differenza bejn raġel u mara

“Wieħed ma jistax jibqa’ sieket quddiem dan il-materjaliżmu bla skurplu li juri l-alleanza li hemm bejn l-ekonomija u t-teknoloġija u li jqis il-ħajja bħala riżorsa biex tkun sfruttata jew mormija għall-poter u l-profitt. Sfortunatament irġiel, nisa u tfal madwar id-dinja qed jesperjenzaw il-qrusa u t-tbatija tal-wegħdi illużorji ta’ dan il-materjaliżmu teknokratiku” qal il-Papa Franġisku.
Nhar il-Ħamis li għadda l-Papa indirizza l-Assemblea Ġenerali tal-Akkademja Pontifiċja għall-Ħajja li saret f’Ruma bit-tema: “Nakkumpanjaw il-Ħajja: Responsabbiltajiet Ġodda fl-Era Teknoloġika”.
Quddiem l-effetti  tal-iżviluppi teknoloġiċi riċenti fix-xjenzi tal-ħajja, u l-qawwa tal-bijoteknoloġija li qed tippermetti manipulazzjoni estensiva tal-ħajja li ħadd ma kien joħlom biha, il-Papa Franġisku appella għal imġiba li tkun konsistenti mad-dinjità tal-persuna umana u mal-ħajja u l-valur tagħha.
Il-Papa osserva li kuntrarju għall-wegħdi ta’ titjib li kellu jġib dan il-materjaliżmu teknokratiku, dak li qed naraw hu l-faqar dejjem jikber, aktar kunflitti, ħela, abbandun u disprament.
F’dan ir-rigward il-Papa qal li l-fidi Nisranija u t-tradizzjoni sinjura tal-Knisja għandhom jispiraw lil dawk li jemmnu biex isewwu l-qasma bejn il-ġenerazzjonijiet li qed tinterrompi t-trażmissjoni tal-ħajja. Il-ħajja tal-missirijiet u l-ommijiet li waslu f’età avvanzata għandna nonorawha għal dak li l-anzjani tagħna taw b’ġenerożità u mhux niskartawha għax issa ma jistgħux jagħtu aktar.
“Il-kelma t’Alla titfa’ dawl fuq l-oriġini tal-ħajja u d-destin tagħha”, qal il-Papa. 
In-narrattiva tal-kreazjoni irridu narawha bħala att ta’ maħabba ta’ Alla li ħalla l-ħolqien fl-alleanza bejn ir-raġel u l-mara. Ħadd minnhom, waħdu, ma jista’ jerfa’ din ir-responsabbiltà għax huma kienu maħluqa flimkien bid-differenzi qaddisa tagħhom.
Papa Franġisku sostna li “l-isforzi riċenti biex nasserixxu d-dinjità tal-persuna billi ninnewtralizzaw radikalment id-differenzi sesswali, huma ħżiena.
L-utopja tan-‘newtru’ tneħħi kemm id-dinjità umana tal-forom sesswali differenti kif ukoll il-kwalità personali tat-‘trażmissjoni ġenerattiva tal-ħajja’”.
L-alleanza ġenerattiva tar-raġel u l-mara hi difiża għall-umaniżmu tal-mara u r-raġel u mhux tfixkil.
“Jekk narmu dan, l-istorja tagħna ma tkunx imġedda”, wissa l-Papa.
Il-ħeġġa biex nakkumpanjaw u nikkuraw il-ħajja tul il-mixja sħiħa tagħha, titlob li jerġa' jkollna kultura ta’ kompassjoni u mħabba għall-ġenerazzjoni u riġenerazzjoni tal-bniedem uman bid-differenzi  tiegħu.
Fl-aħħarnett il-Papa Franġisku appella biex nerġgħu nsiru sensittivi għad-diversi stadji tal-ħajja, speċjalment għat-tfal u l-anzjani li huma fraġli u vulnerabbli.