Il-Papa jiċċelebra mal-Ġiżwiti f’Ruma

Fl-Okkażjoni tal-festa ta’ San Injazju ta’ Loyola, il-fundatur tal-Ġiżwiti, li tiġi ċċelebrata fil-31 ta’ Lulju, il-Papa Franġisku għażel li jiċċelebra din il-ġurnata mal-Ġiżwiti ta’ Ruma.
B’sorpriża għat-turisti u n-nies tal-lokal, il-Papa deher jaqsam it-triq mill-Vatikan bil-mixi u daħal fl-uffiċju tal-Kurja tal-Ġiżwiti li tinsab biswit il-Vatikan stess. Huwa kien milqugħ bil-ferħ mill-komunità Ġiżwita u kien mistieden għall-ikel.
Ta’ min isemmi li l-Papa Franġisku huwa Ġiżwita u kien għalhekk li għażel li dan il-Jum jiċċelebrah flimkien ma’ sħabu l-Patrijiet. Huwa kellu ċ-ċans iżur il-post u jiltaqa’ wkoll mal-istaff li jieħu ħsieb il-kurja. Wara li għamel ftit ħin ta’ talb fil-kappella tal-istess kurja huwa ltaqa’ fil-privat mal-aħwa ta’ Patri Paolo Dall’Oglio, Ġiżwita li madwar sena ilu inħataf fis-Sirja u li minn dak iż-żmien ‘l hawn ħadd għadu ma sema’ b’aħbaru. Huwa mifhum li l-Papa kellu ċans jitlob ma’ ħutu waqt li sabbarhom għat-telfien tiegħu.