Il-Papa jibgħat għajnuna lit-terremotati fl-Albanija

It-tifrik li ħalla t-terremot fl-Albanija l-ġimgħa li għaddiet

Il-Papa Franġisku bagħat l-ewwel għajnuna, fil-forma ta’ €100,000 biex tgħin lill-persuni li ntlaqtu ħażin mit-terremot li seħħ fl-Albainija l-ġimgħa li għaddiet.

Fil-lejl tal-25 ta’ Novembru, terremot qawwi laqgħat il-kosta tat-tramuntana tal-Albanija fejn hemm il-belt ta’ Durazzo. Sal-lum il-mejta laħqu aktar minn 40 persuna. Hemm 600 feruti filwaqt li għad fadal ħafna vittmi taħt it-tifrik li issa huma meqjusa mejta tant li t-tiftix għalihom waqaf.

It-terremot għamel ħsarat kbar, bini mwaqqa, mijiet ta’ familji spiċċaw bla dar. It-terremot inħass f’inħawi oħra tal-Albanija u f’postijiet tul il-kosta tal-Baħar Adrijatiku.

Il-Papa Franġisku ddeċieda li jibgħat l-ewwel għajnuna tiegħu permezz tad-Diksteru għall-Iżvilupp Integrali Uman, biex jgħin fl-ewwel faħi ta’ emerġenza.

B’dan il-mod, il-Qdusija Tiegħu l-Papa ried juri lil dawk milquta li spiritwalment iħossu qrib tagħhom u ried juri l-appoġġ ta’ missier tan-nies u t-territorji milquta. Is-somma ta €100,000 mibgħuta mill-Papa se tintuża fid-djoċesijiet milquta, f’ħidma ta’ salvataġġ u għajnuna u tkun amministrata minNunzjatura Apostolika fl-Albanija.

Fl-udjenza ġenerali ta’ nhar l-Erbgħa li għadda, il-Papa Franġisku tkellem dwar dan id-diżastru u qal li “nixtieq insellem lill-poplu għażiż tal-Albanija, li f’dawn l-aħħar jiem sofra ħafna u ngħidlhom li jien qrib tagħhom. L-Albanija kienet l-ewwel pajjiż Ewropew li xtaqt inżur. Jien qrib il-vittmi, qed nitlob għall-mejtin u l-feruti u l-familji tagħhom. Nitlob ‘l Alla biex ibierek lil dan il-poplu li jien tant inħobb”.

Il-kontribuzzjoni li saret permezz tad-Dikasteru għall-Iżvilupp Integrali Uman, hi parti mill-għajnuna li l-Knisja Kattolika qed torganizza permezz ta’ diversi Konferenzi Episkopali u organiżazzjonijiet karitatevoli fi ħdanha.