Il-Papa jibgħat għajnuna lill-emigranti maqbuda fuq il-fruntiera mal-Istati Uniti

Migrants stranded on the border of Mexico with the United States

Il-Papa Franġisku bagħat donazzjoni ta’ 500,000 dollaru biex ikunu megħjuna l-emigranti fil-Messiku li nqabdu fuq il-fruntiera mal-Istati Uniti. B’dawn il-flus se jkunu megħjuna numru ta’ proġetti f’sittax il-djoċesi u kongregazzjonijiet reliġjużi Messikani li talbu għajnuna biex ikomplu jipprovdu ikel u ħtiġijiet bażiċi lill-emigranti.

Skont Stqarrija mill-għaqda ‘Peter’s Pence” li hi organiżazzjoni li tiġbor flus għan-nom tal-Pontifikat, “fl-aħħar xhur, eluf ta’ emigranti waslu fil-Messiku wara vjaġġ ta’ aktar minn 4,000 kilometru bil-mixi, mill-Honduras, El Salvador u l-Guatemala. Dawn in-nisa u rġiel ħafna drabi akkumpanjati minn uliedhom, ħarbu mill-faqar u l-vjolenza bit-tama li jsibu futur aħjar fl-Istati Uniti li min-naħa tagħhom għalqu l-fruntieri għal dawn in-nies.”

L-għajnuna naqset drastikament

L-għajnuna mibgħuta mill-Papa hi maħsuba b’mod partikolari biex tgħin lil aktar minn 75,000 persuna li waslu fil-Messiku fl-2018 f’sitt gruppi ta’ emigranti. “Dawn in-nies kollha inqabdu fuq il-fruntiera u ma jistgħux jidħlu fl-Istati Uniti u la għandhom fejn joqgħodu u anqas biex jgħixu.

L-istqarrija żżid tgħid li l-Knisja Kattolika qed iżomm eluf minn dawn il-persuni f’lukandi fid-djoċesijiet u qed tipprovdilhom il-ħtiġijiet bażiċi inkluż ħwejjeġ.

Għalkemm meta dawn il-karavani ta’ emigranti waslu fil-Messiku ngħataw ħafna attenzjoni il-media m’għadhiex tagħti importanza lil din is-sitwazzjoni ta’ emerġenza u b’riżultat ta’ dan, l-għajnuna lill-emigranti mill-Gvernijiet u individwi privati naqset ħafna.

Użu trasparenti tad-donazzjonijiet    

L-istqarrija ta’ Peter’s Pence insistiet li qabel din l-għajnuna tingħata, irid jingħata rendikont regolari u trasparenti dwar kif se jintużaw dawn il-flus. S’issa kienu approvati 13-il proġett filwaqt li hemm 14-il proġett ieħor li qed ikunu evalwati.

Grazzi għal dawn il-proġetti u grazzi għall-karità u s-solidarjetà Kristjana, l-Isqfijiet Messikani jittamaw li jkunu jistgħu jkomplu jgħinu lill-emigranti.