Il-Papa jibda sensiela ta’ katekeżi dwar il-ħniena fil-Bibbja

Fil-Belt tal-Vatikan, il-Papa Franġisku beda sensiela ta’ katekeżi, fl-Udjenza Ġenerali ta’ nhar t’Erbgħa, iddedikata għall-ħniena mill-perspettiva Biblika.
F’din is-Sena tal-Ħniena, il-Papa beda din l-inizjattiva bit-tama li jwassal iktar għarfien dwar x’inhi l-ħniena mill-Kelma t’Alla stess.
L-ewwel eżempju ttieħed mill-Ktieb tal-Eżodu, mit-Testment il-Qadim, fejn Alla jiddeskrivi lilu nnifsu bħala ħanin u mimli mħabba u fedeltà.
Il-Papa qal li f’diversi punti oħra mill-Bibbja, Alla jiddeskrivi lilu nnifsu bl-istess mod, b’enfasi fuq il-ħniena, l-imħabba u li ma jgħejjiex jaħfer.
Tenna li Alla hu mimli mogħdrija u fakkar fil-Parabbola tal-Iben il-Ħali, bil-missier jistenna lil ibnu li abbandunah u joħroġ jiġri jiltaqa’ miegħu mal-ewwel sinjal tar-ritorn tiegħu.
Il-Papa spjega li Alla hu dejjem leali u stieden lill-Insara biex fil-Ġublew tal-Ħniena jafdaw irwieħhom kompletament fiH u jħossu l-imħabba tiegħU.
Fi tmiem l-Udjenza Ġenerali, il-Papa kkundanna l-attakk terroristiku ta’ Istanbul u talab għall-vittmi, għall-familji tagħhom u biex il-Mulej jikkonverti l-qlub tal-vjolenti.