Il-Papa jibda l-Vjaġġ Appostoliku tiegħu fl-Eġittu

Il-Papa Franġisku wasal f’Kajr, l-Eġittu, illum waranofsinhar, hekk kif mistenni jibda l-Vjaġġ Appostoliku tiegħu fil-pajjiż. Huwa ddeskriva dan il-vjaġġ bħala wieħed ta’ unità u għaqda aħwija.
Fl-Ajruport Internazzjonali tal-Kajr, Franġisku ntlaqa’ min-Nunzju Appostoliku tal-Kajr, Bruno Musaro, u rappreżentant għall-President tal-Eġittu.
Hekk kif wasal, il-Papa baqa’ sejjer għand il-President Eġizzjan, Abdel-fattaħ al-Sisi, fejn ġiet ippreparata għalih ċerimonja speċjali.
Papa Franġisku ppreżenta lil al-Sisi plakka kommemorattiva, li turi lill-familja mqaddsa taħrab lejn l-Eġittu tal-artista Daniela Longo.
Din iż-żjara saret fuq talba tal-President innifsu, tal-Papa Tawadros II ta’ Lixandra, tal-Patrijarka tal-Kopti f’Lixandra u tal-Imam il-Kbir ta’ Al-Azhar.
Aktar tard illum, Papa Franġisku mistenni jagħti tliet taħditiet. Waħda lill-awtoritajiet nazzjonali tal-pajjiż u lill-korpi diplomatiċi, oħra waqt konferenza internazzjonali dwar il-paċi f’Al-Azhar, u l-aħħar waħda waqt iż-żjara lill-Papa Tawadros II.
Fl-Eġittu hemm madwar 90 miljun persuna, b’85% minnhom Musulmani. 10% tal-popolazzjoni hi Kristjana Koptika Ortodossa, u l-Kattoliċi jiffurmaw 1% biss tal-popolazzjoni, u huma maqsumin bejn Kattoliċi Kopti u sezzjonijiet oħra.
Franġisku rringrazzja lill-ġurnalisti preżenti talli jwasslu lill-bqija tad-dinja tan il-vjaġġ ta’ unità u mħabba aħwija.