Il-Papa jibda jirrestawra l-governanza tal-Knisja fiċ-Ċilì

Raġel iħaddan Kurċifiss fil-Kattidral ta’ Santiago, fiċ-Ċile. (Credit: Ivan Alvarado/Reuters via CNS.)

Il-Papa Franġisku beda jirrestawra mill-ġdid il-governanza tal-Knisja Kattolika fiċ-Ċile wara l-iskandli kbar ta’ abbużi minn membri tal-kleru u l-ħabi tagħhom. Il-ħatra f’dawn l-aħħar jiem ta’ Arċisqof għad-djoċesi ta’ Santiago u Arċisqof ġdid ieħor għad-djoċesi ta’ Puerto Montt, huma passi importanti f’din id-direzzjoni.

F’Mejju tal-2018, l-Isqfijiet kollha taċ-Ċile, wara rapport li kien għamel l-Arċisqof Charles J. Scicluna li kien mibgħut mill-Papa Franġisku biex jinvestiga dawn il-każi, kienu offrew ir-riżenja tagħhom lill-Papa Franġisku wara laqgħa ta’ tliet ijiem fil-Vatikan fejn kienu diskussi dawn l-abbużi.

Sa Marzu li għadda, l-Papa aċċetta r-riżenja ta’ tmienja minn dawn l-Isqfijiet li jmexxu waħda mis-27 djoċesi tal-pajjiż.

Ħatriet ġodda

L-aħħar wieħed li tneħħa kien il-Kardinal Ricardo Ezzati ta’ Santiago li dwaru kien hemm diversi akkużi. Il-Papa nnomina lill-Isqof Celestino Aos Braco, ta’ Copiapo, ta’ 74 sena, bħala Amministratur Apostoliku tad-djoċesi f’Marzu li għadda u nhar il-Ġimgħa li għadda innominah Arċisqof tal-belt kapitali Santiago.

Nhar il-Ġimgħa wkoll, il-Papa nnomina lil Mons Luis Fernando Ramos Perez li kien Isqof Awżiljarju f’Santiago, bħala Arċisqof ta’ Puerto Montt. L-Arċisof il-ġdid li jagħlaq 61 sena fit-2 ta’ Jannar, kien ilu Amministratur Apostoliku tad-djoċesi ta’ Rancagua minn Ġunju tas-sena li għaddiet.

F’Ottubru l-Papa kien innomina lill-Arċisqof Spanjol, Mons. Alberto Ortega Martin bħala Nunzju Apostoliku għaċ-Ċile.

Wara dawn il-ħatriet issa fadal tmien djoċesijiet fiċ-Ċile li qed jitmexxew minn Amministraturi Apostoliċi għax għad ma għandhomx Isqfijiet.

L-abbużi minn membri tal-Kleru fuq minuri fiċ-Ċile għadhom qed ikunu invesigati. L-aġenzija tal-aħbarijiet Reuters, f’Lulju li għadda kienet ikkwotat uffiċjali tal-Gvern Ċilen jgħidu li kien għad fadlilhom jinvestigaw 150 każ ta’ abbuż minn membri tal-kleru. Fost dawk li se jkun investigati għax setgħu ħbew każi ta’ abbużi li kienu jafu bihom, hemm membri għolja fil-ġerarkija tal-Knisja, fosthom iż-żewġ Arċisqfijiet ta’ Santiago, il-Kardinal Ezzati u l-Kardinal Francico Javier Errazuriz Ossa.