Il-Papa jħeġġiġna nagħmlu presepju d-dar

Ix-xena tan-Natività li serqet qalb il-Papa Franġisku

Il-Papa Franġisku qal li bħala rigal f’għeluq sninu, il-ġimgħa li għaddiet urewħ xena tan-Natività unika imsejjħa “Ħalli l-Omm Tistrieħ” li fiha l-Madonna tidher rieqda u San Ġużepp qed ibennen it-tarbija b’idejha miftuħa, tipika ta’ tarbija tat-twelid.

Papa Franġisku qal li din ix-xena turi il-ħlewwa tal-familja u s-sbuħija taż-żwieġ.

“Kemm minnkom, nisa u rġiel, ikollkom taqsmu l-lejl bejnietkom biex toqgħodu mat-tarbija li tibda tibki, u tibki, u tibki”, staqsa l-Papa. Dan hu rifless fix-xena tan-Natività li urewni u li issa qed iddur fuq il-media soċjali.

 Papa Franġisku qal li “Nistgħu nistiednu wkoll lill-Familja Mqaddsa fid-dar tagħna fejn hemm il-ferħ u t-tħassib, fejn kuljum inqumu, nieklu, norqdu u nkunu qrib il-maħbubin tagħna. Il-maxtura hi l-Evanġelju tad-dar”.

Din is-sena, il-Papa Franġisku qed jenfasizza l-importanza li nżommu t-tradizzjoni tal-Presepju. Hu żar Greccio, fejn San Franġisk kien għamel l-ewwel presepju ħaj u ħareġ Ittra Appostolika fejn spjega s-simboliżmu u l-iskop tal-presepju.  Barra minn dan, żar ukoll 100 presepju minn madwar id-dinja li kienu esibit f’Ruma.

Evanġelju ħaj

Fl-udjenza ġenerali ta’ nhar l-Erbgħa l-Papa appella biex nagħmlu presepju d-dar bħala “mod sempliċi u effettiv” kif nippreparaw irwieħna għall-miġja ta’ Ġesù Bambin.

Fil-fatt, fl-Ittra Appostolika “Admirabile Signum” il-Papa qal li “il-presepju hu bħal Evanġelju ħaj”. Iġġib l-Evanġelju fil-post fejn ngħixu; fi-djar, fl-iskejjel, fil-postijiet tax-xogħol, fil-postijiet fejn niltaqgħu mal-oħrajn, fl-isptarijiet, fid-djar tal-anzjani, fil-ħabs u fil-pjazzez tal-ibliet u l-irħula tagħna.

U hemm fejn noqgħodu, tfakkarna f’xi ħaġa essenzjali: Li Alla ma baqgħax inviżibbli fis-sema, imma niżel fid-dinja, sar bniedem, sar tarbija. Bil-presepju niċċellebraw lil Alla qrib tagħna. All dejjem kien qrib il-poplu tiegħu, imma bl-inkarnazzjoni u t-twelid tiegħu hu ġie qrib ħafna tagħna.

Il-maxtura tfakkarna li Alla hu qrib tagħna, niskopru mill-ġdid li Alla hu veru, konkret, jgħix u jieħu n-nifs bħalna. Alla mhux xi sultan il-bogħod, jew xi mħallef maqtugħ min-nies imma huwa mħabba umli li niżel fid-dinja għalina. It-tarbija fil-maxtura turina l-ħlewwa u t-tenerazza tagħha.

Xi statwi ipinġu lit-tarbija b’idejha miftuħa biex juru li Alla ġie biex jgħannaq miegħu l-umanità tagħna, qal il-Papa.

Għalhekk tajjeb li noqgħodu quddiem il-presepju nafdaw ħajjitna mal-Mulej, inkellmuh dwar in-nies li nħobbu u s-sitwazzjoni tagħhom, nagħmlu rendikont tas-sena li riesqa lejn it-tmien u naqsmu miegħu t-tħassib u l-aspirazzjonijiet tagħna.

Il-Papa stedinna biex nimmaġinaw x’kienu qed jaħsbu Marija u Ġużeppi “meta t-tarbija twieldet fil-faqar: ferħu imma kienu wkoll diżappuntati.” U quddiem ir-ritmu mgħaġġel tal-ħajja tal-lum, il-maxtura hi stedina biex nikkontemplaw.

Alla jkellimna fis-skiet

Tfakkarna kemm hu mportanti li nieqfu. Għax hu biss meta nkunu miġbura flimkien nistgħu napprezzaw u naċċettaw dak li jiswa fil-ħajja. Hu biss meta nwarrbul-istorbju tad-dinja mid-djar tagħna li ninfetħu biex nisimgħu lil Alla li jkellimna fis-skiet.

Il-Papa Franġisku żied jgħid li d-diversi pasturi li nsibu fil-presepju jfakkruna li Ġesù ġie f’ħajjitna. U dan hu mportanti ħafna.

Il-Papa appella lil dawk preżenti għall-udjenza biex dejjem jarmaw il-presepju għax dan ifakkarna li Alla ġie u twieled għalina, jakkumanpjana fil-ħajja, hu bniedem bħalna, sar bniedem għalina.

Fil-ħajja ta’ kuljum m’aħniex weħidna, Alla jgħix magħna. Jekk aħna naċċettawh, jinbidel kollox.

Il-Papa Franġisku temm jgħid li l-presepju għandu jservi bħala opportunità biex nistiednu lil Ġesù f’ħajjitna. Meta kollna l-maxtura fid-dar inkunu qisna qed niftħu l-bieb u ngħidu “Ġesù idħol”. Meta Ġesù jidħol f’darna jkun verament qrib tagħna. U jekk jgħix f’ħajjitna, nitwieldu mill-ġdid u jekk nitwieldu mill-ġdid dan hu l-veru Milied.