Il-Papa jħeġġeġ stazzjon televiżiv biex jagħti vuċi lil min m’għandux

Il-ħamiema tal-paċi - simbolu tal-istazzjoni televiżiv Telepace

Il-Papa Franġisku ħeġġeġ llid-diriġenti tal-istazzjoni televiżiv Telepace li hu bażat fid-djoċesi ta’ Verona, fl-Italja biex ikun l-istazzjon tal-paċi billi jagħti vuċi lil min m’għandux u jevita z-zekzik.  Hu kien qed jindirizza lil uffiċċjali u ħaddiema tal-istazzjon li marru jżuruh fl-okkazzjoni tal-40 anniversarju mit-twaqqif tiegħu.

Fost programmi u trasmissjonijiet li jxandar dan l-istazzjoni hemm l-udjenzi li jagħti l-Papa kull nhar t’Erbgħa, l-Angelus ta’ nhar ta’ Ħadd, ir-reċita tar-rużarju mqaddes u ċelebrazzjonijiet oħra.

Illum, meta l-kultura tal-ħela qed tħalli aktar nies mingħajr leħen, aktar u aktar hemm bżonn li jkollna min jislef vuċi lil min tilifha, sostna l-Papa.

Il-Papa qal li s-saħħa tal-komunikazzjoni tqarreb in-nies, tagħti każhom, tagħtihom konfort, tfejjaq, takkumpanja u tiċċelebra u għalhekk l-istrumenti tal-komunikazzjoni huma rigal minn Alla li jpoġġu fuqna responsabbiltà kbira.

Hu ħeġġeġ lill-impjegati tat-Telepace biex jimpenjaw ruħhom fi tliet direzzjonijiet. L-ewwel ħeġġiġhom biex ikunu antenna ta’ spiritwalità li tagħraf f’kull ħaġa li tiġri is-sinjali tal-imħabba ħanina ta’ Alla l-Missier għal nies bħalma huma l-ġirien foqra, il-priġunieri u dawk li qed jistennew il-piena tal-mewt. Hu wera l-apprezzament tiegħu għall-inizjattiva tat-Telepace li qed jakkumpanja żewġ żgħażagħ kundannati għall-mewt f’Texas fl-aħħar mumenti ta’ ħajjithom.

It-tieni l-Papa nkoraġixxa lill-istazzjoni biex jeduka liż-żgħażagħ “fl-iskola tal-Evnaġelju” li jridna nkunu xhieda tal-imħabba u ninfetħu għaż-żgħażagħ kollha tad-dinja. Hu qal li jixtieq ħafna li l-media tagħti aktar attenzjoni liż-żgħażagħ, mhux billi turihom in-nuqqasijiet tagħhom imma billi titkellem ukoll dwar il-ħolm u t-tamiet tagħhom.

Finalmnet appella lill-ħaddiema tat-Telepace biex fl-istejjer tagħhom jevitaw in-nassa taz-zekzik. Il-Papa wera d-dispjaċir tiegħu għat-tendenza li qed tinfirex ta’ zekzik li jhedded il-komunità tal-bnedmin billi jiżra’ l-għira, il-ġelosija u l-ħenn għall-poter.

Huwa qal li biz-zekzik tal-ilsien tista’ ssir ħafna ħsara u dan jista’ jwassal saħansitra biex joqtol persuna u għalhekk in-nies tal-media għandhom jikkomunikaw b’responsabbiltà u appella biex ikun hawn ġurnaliżmu ta’ paċi li jservi lill-maġġoranza li hi bla vuċi.

Fl-aħħarnett stieden lil Telepace biex ikun konformi ma’ ismu – it-televiżjoni tal-paċi – bis-simbolu tal-ħammiema ġġorr il-werqa taż-żebbuġ f’ħalqha, ittir ‘l fuq  fuq il-ġwienaħ tat-talb u l-karità.