Il-Papa jħeġġeġ priġunieri biex iħarsu lejn il-futur bit-tama

F’messaġġ li l-Papa Franġisku bagħat lil priġunieri-studenti fil-ħabs ta’ Ezeiza fl-Arġentina, ħeġġiġhom biex iħarsu lejn il-futur bit-tama u jaraw li l-perjodu tagħhom fil-ħabs iservihom biex jirriformaw lilhom infushom.
Il- priġunieri qed jattendu Ċentru ta’ Studji Universitarji li hu inizjattiva ta’ edukazzjoni għolja fl-imsemmi ħabs.  L-inizjattiva bdiet fl-1994 b’kollaborazzjoni mal-Universita’ ta’ Buenos Aires.  L-istudenti, li huma kollha priġunieri, jitgħallmu prinċipalment is-soċjoloġija, ix-xejnzi applikati li jinkludi x-xjenza tal-kompjuters u t-teknoloġija tal-informatika.
Fil-messaġġ tiegħu l-Papa qal li “il-priġunieri qed iservu sentenza penali għal żbalji li kkommettew.  Iżda ejja ma ninsewx li biex il-kastig iħalli l-frott, irid ikollu orizzont ta’ tama għax inkella jibqa’ magħluq fih innifsu u jkun biss strument ta’ tortura u ma jħalli ebda frott”.
Il-Papa żied jgħid lill-priġunieri li hemm bżonn li jkollhom it-tama fir-ri-integrazzjoni soċjali u għal dan, ingredjent importanti hi l-formazzjoni soċjali. “Dan hu dak li qed tagħmlu intom – tħarsu lejn il-futur, b’tama.
Iċ-Ċentru issa se jniedi wkoll kors fil-Mużika għall-priġunieri li jattendu fih.  B’riferenza għal dan il-kors ġdid il-Papa qal li “B’dan il-kors ġdid fil-Mużika se tkunu qed tħarsu wkoll lejn l-integrazzjoni soċjali u diġa mxejtu sew f’din it-triq bil-korsijiet li qed tagħmlu mal-Univesita’ ta’ Buenos Aires.
“Dan”, żied Papa Franġisku, “hu kastig b’tama, kastiġ b’orizzont quddiemu.  Ħalluni nerġa’ ngħid li l-problemi qegħdin hemm u jibqa’ jkun hemm, iżda l-orizzont hu akbar minn dawn il-problemi. It-tama tegħleb il-problemi kollha”.
Fi tmiem il-messaġġ tiegħu il-Papa rringrazzja l-fundaturi, id-diretturi, il-letturi u lil dawk kollha li jaħdmu u jagħtu servizz fiċ-Ċentru ta’ Studji Universitarji tal-ħabs ta’ Ezeiza u talab lill-istudenti biex jiftakru fih fit-talb tagħhom.