Il-Papa jħeġġeġ lit-tfal jiftakru l-ewwel għalliema tagħhom

“Tinsew qatt lill-ewwel għalliema u qatt tinsew l-iskola għax dawk huma l-għeruq tal-kultura tagħkom. Li tiftakru lill-għalliema tagħkom u l-iskola jgħinkom biex ma tinqalgħux mill-għeruq tagħkom u tibqgħu tagħtu l-frott”.

Il-Papa Franġisku għamel dan l-appell nhar is-Sibt li għadda lil aktar minn 500 tifel u tifla minn diversi reliġjonijiet ġejjin mill-periferiji ta’ Ruma u Milan li marru jiltaqgħu miegħu permezz tal-inizjattiva magħrufa bħala “It-Trejn tat-Tfal”.

Din l-inizjattiva tal-Kunsill Pontifiċju tal-Kultura b’kollaborazzjoni mal-Awtorità tal-Ferroviji Taljana, barra Kattoliċi tinkludi tfal li huma Musulmani, Buddisti, Ortodossi, atei u oħrajn.

Din is-sena hi s-sitt edizzjoni ta’ din l-inizjattiva bit-tema “Belt Ħabiba” li hi maħsuba biex tiżviluppa mill-ġdid il-periferiji mitluqa ta’ bliet fejn it-tfal jiltaqgħu ma’ ħafna diffikultajiet.

Meta ltaqa’ mat-tfal lebsin brieret ħomor tal-ferroviji Taljani u qomos bojod bil-kliem “It-Trejn tat-Tfal”, il-Papa ma kellux diskors preparat imma wieġeb domandi tat-tfal.

Il-Papa fakkar l-għalliema li kellu fl-ewwel snin tal-iskola tiegħu, speċjalment lil Stella li kienet tgħallmu fl-ewwel u fit-tielet klassi. Qal li baqa’ jżomm kuntatt magħha u kien assistieha fl-aħħar mumenti ta’ ħajjitha, sakemm mietet fl-età ta’ 94 sena.

Il-Papa wera l-apprezzament tieegħu għar-rigali li ħadulu t-tfal li għamlu apposta għalih u qal li dawn huma “importanti għax magħmula b’intelliġenza, bl-idejn u bil-qlub tagħkom.  U meta xi ħaġa ssir b’intelliġenza, bil-qalb u bl-idejn hi xi ħaġa profonda u umana”.