Il-Papa jħeġġeġ lis-saċerdoti jibqgħu pożittivi u ma jaqtgħux qalbhom

San Ġwann Vianney - il-Kurat ta' Ars - patrun tas-saċerdoti

Fl-okkażżjoni tal-festa ta’ San Ġwann Vianney li kien Kurat ta’ Ars u hu l-patrun tas-saċerdoti, liema festa kienet ċelebrata nhar il-Ħadd li għadda il-Papa Franħisku ndirizza ittra lis-saċeerdoti tad-dinja kollha  fejn irringrazzjahom għas-sagrifiċċji tgagħhom u ħeġġiġhom biex jibqgħu pożittivi u ma jaqtgħux qalbhom minkejja d-diffikultajiet.

Fl-ittra tiegħu l-Papa rrikonoxxa li fl-ambjent attwali, ħafna saċerdoti jħossuhom imweġġgħa wara li huma ħallew kollox warajhom biex jintefgħu għall-ħidma bla waqfien fil-komunitajiet tagħhom.

“Bħal Kurat ta’ Ars, intom isservu fl-“għalqa” u terfgħu l-piż ta’ kuljum u tiffaċċjaw varjetà ta’ sitwazzjonijiet fil-ħidma tagħkom biex tgħinu u takkumpanjaw lill-poplu t’Alla.

“Irrid ngħid kelma lil kull wieħed minnkom li bla daqq ta’ trombi u b’sagrifiċċju personali, minkejja l-għajja, il-mard, id-dwejjaq,  taqdu l-missjoni tagħkom ta’ servizz lil Alla u lill-poplu fdat lilkom. Minkejja d-diffikultajiet ta’ dan il-vjaġġ, intom qed tiktbu l-isbaħ paġni tal-ħajja saċerdotali”.

Ħafna saċerdoti sofrew

Papa Franġisku nnota li fil-kuntest tal-kriżi tal-abbużi, ħafna saċerdoti sofrew u qal li fid-diversi żjarat pastorali li għamel madwar id-dinja, sama’ r-rabja ta’ qassisin dwar dawn l-iskandli u l-ħsara li għamlu lill-Knisja. Semma wkoll il-vittmi tal-abbużi kemm sesswali kif ukoll abbużi ta’ poter u ġedded l-impenn tiegħu għall-bidla.

“F’dawn is-snin konna aktar attenti għall-karba, spiss silenzjuża u maħnuqa ta’ ħutna li sfaw vittmi tal-abbuż tal-poter, abbuż tal-kuxjenza u abbuż sesswali min-naħa ta’ saċerdoti. Dan kien żmien ta’ sofferenza kbira kemm għal dawk li sofrew l-abbuż kif ukoll għall-familji tagħhom u għall-Poplu t’Alla kollu kemm hu.

“Aħna mpenjati bis-saħħa kollha biex nagħmlu r-riformi meħtieġa biex ninkoraġixxu kultura ta’ kura pastorali, biex il-kultura tal-abbuż ma jkollhiex post fejn tikber u wisq anqas tkompli. Din mhux biċċa xogħol ħafifa jew ta’ malajr imma tinħtieġ l-impenn ta’ kulħadd.

It-triq ‘l quddiem

“Fl-imgħoddi in-nuqqas forsi kien speċi ta’ risposta. Illum irridu li t-triq ‘l quddiem tkun  il-konverżjoni, it-trasparenza, is-sinċerità u s-solidarjetà mal-vittmi. Dan għandu jagħmilna attenti u konxji għal kull forma ta’ tbatija umana,” żied jgħid il-Papa fl-ittra tiegħu.

Hu ħeġġeġ lill-qassisin biex jibqgħu grati u pożittivi u wissihom biex ma jkunux imdejjqa jew jaqgħu f’xi dipressjoni.

“Ejja nħallu l-gratitudni tagħna iġġeddilna l-entusjażmu għall-ministeru tagħna u nimlew lil ħutna bit-tama.  Ejja nkunu rġiel li b’ħajjitna nagħtu xhieda tal-kumpassjoni u l-ħniena li Alla biss jista’ jagħtina,” ittemm l-ittra ta’ Papa Franġisku.