Il-Papa jħeġġeġ lill-Peruvjani jingħaqdu b’solidarjetà

Fit-tieni jum taż-żjara tiegħu fil-Perù, il-Papa Franġisku qaddes fil-beraħ fil-Pjanura ta’ Huanchaco, eżatt barra mill-belt ta’ Trujillo, żona li ntlaqtet ħażin ħafna mill-għargħar u maltemp ikkawżati mill-urugan Nino.
Il-messaġġ ewlieni tal-Papa fl-omelija tiegħu kien għall-għaqda u s-solidarjetà.
L-omelija ta' Franġisku
Dawn l-artijiet għandhom it-togħma tal-Vanġelu.
Dak li hawn madwarna, fl-isfond ta’ dan il-baħar immens, jgħinna nifhmu aħjar l-esperjenza li l-Appostli kellhom ma’ Ġesù, u li llum aħna mistiedna biex nerġgħu ngħixu. Nieħu pjaċir insir naf li intom ġejtu minn diversi partijiet tat-Tramuntana tal-Perù biex flimkien niċċelebraw il-ferħ tal-Evanġelju.
Dawk id-dixxipli, bħal ħafna minnkom illum, kienu jaqilgħu l-ħobża tagħhom mis-sajd. Kienu joħorġu bid-dgħajjes kif tagħmlu ħafna minnkom bid-dgħajjes tradizzjonali tagħkom.
Ħafna mit-tbatija ta’ kuljum ngħaddu minnha proprju għalhekk: biex ngħinu l-familji tagħna u nipprovdulhom dak li jgħinhom jibnu futur aħjar.
Din, li intom issejħu ‘l-għadira tal-ħut tad-deheb’, kienet sors ta’ ħajja għal ħafna ġenerazzjonijiet u kattret il-ħolm u t-tamiet tagħkom għal ħafna snin.
Bħall-Appostli, intom tafu l-kobor tan-natura u esperjenzajtu l-qilla tagħha. Hekk kif l-Appostli ffaċċjaw it-tempesta fuq il-baħar, intom kellkom tiffaċċjaw il-qilla tal-maltempata tan-‘Nino costero” li l-konsegwenzi devastanti tagħha għadhom preżenti f’ħafna familji, speċjalment dawk li għad ma rnexxilhomx jerġgħu jibnu djarhom.
Din hi raġuni oħra għaliex ridt niġi hawn u nitlob magħkom.
F’din iċ-Ċelebrazzjoni Ewkaristika niftakru f’dawk  il-mumenti diffiċli meta l-fidi tagħna tkun mhedda. Irridu ningħaqdu ma Ġesù. Hu jaf it-tbatija u t-tribulazzjonijiet tagħna; hu għadda minn tbatija kbira biex jakkumpanjana fid-diffikultajiet tagħna.
Ġesù Kurċifiss irid ikun qrib tagħna fis-sitwazzjonijiet diffiċli li ngħaddu minnhom biex jagħtina daqqa t’id u negħlbuhom. Hu daħal fl-istorja tagħna; ried jaqsam magħna dan il-vjaġġ u jmiss il-feriti tagħna. Alla tagħna hu familjari ma’ dak li nħossu u dak li nsofru, u fis-sofferenzi tagħna joħroġ idejh biex jgħinna.
Dan iż-żmien ta’ prova jisfida s-saħħa tal-ispirtu u l-akbar konvinzjonijiet tagħna. Dan iġegħelna nirrealizzaw kemm hu mportanti li nkunu magħqudin, mhux weħidna, u nimtlew b’dik l-għaqda li hi frott tal-Ispirtu s-Santu.
Xi ġralhom dawk il-verġni li rajna fil-passaġġ li għadna kif qrajna mill-Vanġelu?
F’daqqa waħda semgħu għajta li qajmithom. Uħud minnhom indunaw li ma kellhomx biżżejjed żejt biex jixegħlu l-fanali u jaraw jimxu fid-dlam filwaqt li oħrajn imlew il-lampi tagħhom u setgħu jaraw u jimxu sa fejn l-għarus.
F’dak il-mument urew li kienu mlew ħajjithom.
L-istess jiġri lilna. Ikun hemm żmien meta nirrealizzaw biex inkunu mlejna ħajjitna. Kemm hu importanti li nimlew ħajjitna biż-żejt li jgħinha nixegħlu l-lampi tagħna meta nsibu ruħna fid-dlam u nsibu t-triq biex inkomplu nimxu 'l quddiem.
Naf li fi żmien id-dlam, meta intom ħassejtu l-qilla tan-Nino, bqajtu mexjin 'il quddiem; kellkom iż-żejt meħtieġ biex tgħinu lil xulxin bħall-aħwa.
Kellkom iż-żejt tas-solidarjeta u l-ġenerożità li xprunakom biex tagħmlu xi ħaġa u intom ħriġtu tiltaqgħu mal-Mulej b’ġesti konkreti ta’ appoġġ u solidarjetà. Fid-dlam, intom flimkien ma’ ħafna oħrajn kontu bħal xemgħat mixgħula li dawwaltu t-triq lesti biex tgħinu t-taffu l-uġigħ u taqsmu l-ftit li għandkom mal-oħrajn.
Fir-rakkont tal-Vanġelu naraw kif dawk it-tfajliet li ma kellhomx żejt marru jixtru xi ftit. F’dak il-mument kruċjali ta’ ħajjithom, indunaw li l-lampi tagħhom kienu vojta u li ma kellhomx dak li hu essenzjali biex isibu t-triq tal-ferħ awtentiku u tilfu l-ferħ tal-festa.
Hemm affarijiet, li kif tafu intom li tista’ timprovizzahom u anqas tixtrihom.
Ir-ruh ta’ komunità titkejjel minn kif jirnexxilha tingħaqad biex tiffaċċja d-diffikultajiet u l-kuntrarju biex iżżomm it-tama ħajja. B’hekk jagħtu l-akbar xiehda tal-Vanġelu: “Minn dan kulħadd ikun jaf li intom id-dixxipli tiegħi, jekk tħobbu lil xulxin”.
Għax il-fidi tiftaħna għall-imħabba konkreta, prattika, ġeneruża; imħabba li tista’ tibni t-tama meta jkun jidher li kollox hu mitluf. B’hekk nipparteċipaw fil-ġidma ta’ Alla li l-Appostlu Ġwanni jiddeskrivi meta jurina Alla li jimsaħ id-dmugh ta’ wliedu.
Alla jagħmel dan bl-istess imħabba kif omm turi meta timsaħ id-dmugh minn għajnejn uliedha. U Alla jagħmlilna domanda sabiħa: kemm imsaħt dmugh illum?
Hemm ‘tempesti’ oħra li jistgħu jolqtu dawn ix-xtut b’effetti devastanti fuq il-ħajja tat-tfal. Dawn it-tempesti li jdaħħluna f’dubju bħala komunità u jpoġġu għall-prova is-saħħa tal-ispirtu tagħna.
Fosthom hemm il-kriminalità organizzata, il-qtil b’kummissjoni u l-insigurtà li dawn iġibu magħhom.
Jew in-nuqqas ta’ opportunitajiet għall-edukazzjoni u għax-xogħol, l-aktar fost iż-żgħażagħ u li allura ma jħalluhomx jibnu futur dinjituż.
Jew in-nuqqas ta’ djar għal tant familji li jkollhom jgħixu f’postijiet mhux stabbli.
Jew id-diversi sitwazzjonijiet oħra li tridu tgħaddu minnhom li bħal terremoti qawwija, ifarrku l-fiduċja reċiproka li hi tant meħtieġa biex tinbena xibka ta’ appoġġ u tama; terremoti li jriegħdu r-ruħ u għandhom bżonn iż-żejt kollu li għandna jekk irridu nirreaġixxu għalihom.
Kultant nikkonfondu kif se niffaċċjaw dan il-maltemp jew kif se ngħinu lil uliedna joħorġu minn dawn is-sitwazzjonijiet.
Ngħidilkom li m’hemmx triq aħjar minn dik tal-Vanġelu: jisimha Ġesù Kristu. Imlew ħajjitkom bil-Vanġelu. Inħeġġiġkom biex tkunu komunità li tħalli lilha nfisha tindilek mill-Mulej biż-żejt tal-Ispirtu.
Hu jittrasforma, iġedded u jsaħħaħ kollox. F’Ġesù għandna is-saħħa tal-Ispirtu biex ma nqisux bħala naturali l-affarijiet li jweġġgħuna u jnixxfu l-ispirtu u jisirqulna t-tama. 
F’Ġesù għandna l-Ispirtu li jżommna magħquda biex inkunu ta’ għajnuna għal xulxin u niġġieldu lil dak kollu li jipprova jisirqilna dak li hu tajjeb għall-familji tagħna.
F’Ġesù, Alla jagħmilna komunità li temmen kapaċi ssostni lilha nnifisha; komunità li tittama u allura tissara biex iddawwar u tibdel kull kuntrarju; komunità li tħobb u ma tħalliniex nibqgħu b’idejna fuq żaqqna.
Ma’ Ġesù, ir-ruħ ta’ din il-belt ta’ Trujillo tista’ tkompli tissejjaħ “il-belt tan-nixxiegħa eterna”, għax miegħu, kollox hu opportunità ta’ tama.
Naf kemm din l-art tħobb lill-Madonna u naf kif id-devozzjoni lejn Marija issostnikom u terfagħkom lejn il-Mulej.
Ejja nitolbu lill-Madonna biex iżżommna taħt il-mant tagħha u tressaqna lejn binha.
Ejja nagħmlu dan billi nkantaw flimkien l-għanja folkloristika: “Madonna tal-Bieb, berikna. Madonna tal-Bieb, agħtina l-paċi u ħafna mħabba”.