Il-Papa jħeġġeġ lill-pajjiżi biex jilqgħu aħjar lill-migranti

Il-Papa Franġisku qed iħeġġeġ lill-pajjiżi biex jilqgħu aħjar lill-migranti u biex jieqfu milli jwettqu programmi ta’ tkeċċija kollettiva ta’ dawn il-persuni.
F’messaġġ tal-Papa imħejji għall-Jum Dinji tal-Migranti u Refuġjati tas-sena d-dieħla, huwa saħaq li d-dinjità u l-protezzjoni tal-migranti hija aktar importanti minn tħassib dwar is-sigurtà nazzjonali.
Il-Papa appella lill-Gvernijiet biex jilqgħu, jipproteġu, u  jippromwovu lill-migranti u li jaraw li dawn jintegraw. Qal li kull stranġier li jħabbat fuq il-bieb tagħna huwa okkażjoni ta’ laqgħa ma’ Ġesù Kristu, li jidentifika ruħu mal-istranġier ta’ kull żmien li jiġi milqugħ jew rifjutat
Il-Papa sejjaħ għal proċess simplifikat għal għoti tal-visas fuq bażijiet umanitarji u temporanji.
Skont il-Papa, il-gwardjani tal-fruntieri għandhom jingħataw it-taħriġ neċessarju biex jipproteġu lill-migranti. Dwar il-minorenni mhux akkumpanjati, qal li dawn jirrekjedu protezzjoni akbar. Saħaq li għandu jkollhom garanzija ta’ ċittadinanza u aċċess għal tagħlim. Fi kliem il-Papa, l-użu taċ-ċentri ta’ detenzjoni għandu jiġu evitat.