Il-Papa jħeġġeġ lill-Kattoliċi Ċiniżi għal ġesti ta’ rikonċiljazzjoni

Il-Papa Franġisku ħeġġeġ lill-Kattoliċi Ċiniżi biex jagħmlu atti ta’ rikonċiljazzjoni biex juru li huma f’għaqda sħiħa mas-Suċċessur ta’ Pietru.
Hu qal dan meta jidher li hemm intopp ieħor fl-isforzi tal-Vatikan biex jilħaq ftehim mal-Gvern Ċiniż dwar il-ħatra tal-Isqfijiet, liema sforzi ilhom għaddejjin għal żmien twil.
Fil-festa tal-Madonna Għajnuna tal-Insara li hi meqjuma ħafna fis-Santwarju Sheshan ta’ Shangai, il-Papa mexxa talb biex il-Kattoliċi Ċiniżi jkunu jistgħu jgħixu l-fidi tagħhom f’serenità u jagħmlu ġesti ta’ fraternità, armonija u rikonċiljazzjoni f’għaqda sħiħa mal-Papa.
“Għeżież dixxipli tal-Mulej fiċ-Ċina, il-Knisja Universali titlob magħkom u għalikom biex minkejja d-diffikultajiet tkun tistgħu tafdaw fir-rieda t’Alla”, qal il-Papa.
Il-Gvern Ċiniż jipprojbixxi lill-Kattoliċi milli jkollhom kuntatt mal-Vatikan u jippermetti biss talb fi knejjes awtorizzati minnu.
Għalhekk miljuni ta’ Ċiniżi li baqgħu leali lejn il-Papa jkollhom jitolbu fil-moħbi ma’ saċerdoti li spiss ikunu arrestati jew imfixkla mill-Gvern.
Għalkemm fil-bidu ta’ din is-sena kien hemm rapport li ż-żewġ naħat kienu viċin ftehim dwar il-ħatra tal-Isqfijiet, deċiżjonijiet riċenti meħuda mill-Gvern Ċiniż biex iwaqqaf it-talb tal-insara qed ipoġġu dan il-ftehim f’dubju.
Madankollu s-Segretarju tal-Istat tal-Vatikan Pietro Parolin qal li t-taħditiet mal-Gvern Ċiniż għadhom għaddejjin.
Hu qal li aspett fundamentali tal-ftehim li jista’ jintlaħaq hi l-unità bejn il-knisja uffiċjali rikonoxxuta mill-Gvern u l-knisja moħbija, leali lejn il-Vatikan.