Il-Papa jħeġġeġ lill-Ġiżwiti jibqgħu qrib dawk vulnerabbli

Il-Papa jiltaqa' maż sħanu Ġiżwiti fil-Vatikan

Sa minn żmien San Injazju, is-Soċjetà ta’  Ġesù kienet imsejjħa “biex isservi lill-foqra”, qal il-Papa Franġisku.  Fil-fqir insibu “ post privileġġjat fejn niltaqgħu ma’ Kristu. Dan hu rigal prezzjuż li niltaqgħu Miegħu fost dak li hu vittmi u fqar”, żied jgħid.

Il-ġimgħa li għaddiet il-Papa kellem lill-membri tas-Segretarjat għall-Ġustizzja Soċjali u l-Ekoloġija tas-soċjetà tal-Ġiżwiti, li hu stess jifforma parti minnha u qalilhom li “Padre Pedro  dejjem emmen li s-servizz tal-fidi u l-promozzjoni tal-ġustizzja ma jistgħux ikunu separati għax huma marbuta flimkien b’mod radikali”.

L-Aġenzija Vatican News irrappurtat li l-Papa ħeġġiġhom biex dejjem jibqgħu qrib dawk l-aktar vulnerabbli. “Id-dinja mkissra u mifruda tagħna hemm bżonn tibni l-pontijiet”. Il-laqgħat man-nies  jgħinuna niskopru f’dawk l-aktar emarġinati, l-uċuħ sbieħ ta’ ħutna li fihom nagħrfu lilna nfusna, qal il-Papa.

L-imsallba ta’ żmienna

Illum, li timxi wara Kristu jfisser li sservi “lill-imsallba ta’ żmienna”, żied jgħid Papa Franġisku. Hu semma eżempji ta’ gwerrer li qed ikunu miġġielda madwar id-dinja, it-traffikar uman, ix-xenofobija, l-inugwaljanza u t-tfittxija egoista tal-interessi nazzjonali.

Ma’ dawn il-Papa għadd ukoll il-fatt li “qatt daqs illum ma weġġajna u t-trattajna ħażin id-Dar Komuni tagħna fl-aħħar 200 sena għax it-tniġġiż u t-taħsir tal-ambjent l-aktar li jolqot hu lil dawk li huma l-aktar vulnerabbli id-dinja.

Li timxi wara Ġesù f’dawn iċ-ċirkostanzi jibda billi “takkumpanja lill-vittmi” u jkompli billi tkun attent għall-bżonnijiet umani u tirrifletti dwar ir-realtà tad-dinja u tikxef il-ħażen tagħha u tiskopri l-aktar modi effettivi u kreattivi biex tiġġelidhom.

Il-Papa Franġisku nsista li rridu mmorru ‘l hinn minn hekk: “Għandna bżonn rivoluzzjoni kulturali ta’ vera, bidla tal-bixra kollettiv tagħna, tal-attitudni, tal-mod kif inħarsu lejn nfusna.  Irridu bil-mod il-mod nibdlu l-istrutturi billi nipparteċipaw fi djalogu pubbliku fejn jittieħdu d-deċiżjonijiet li jolqtu l-ħajja ta’ dawk l-aktar vulnerabbli”.

Il-Papa ħeġġeġ lil dawk preżenti biex ikomplu bl-impenn kreattiv tagħhom fis-servizz tal-foqra u r-reguġjati, jiddefendu d-drittijiet umani u jipprovdu servizzi soċjali f’diversi oqsma. Inkoraġġihom biex “jikkollaboraw bejniethom u ma organiżazzjonijiet ekklesjastiċi u ċivili oħra biex jassiguraw id-difiża ta’ dawk l-aktar vulnerabbli fid-dinja globalizzata”.

Disperazzjoni

Papa Franġisku temm l-indirizz tiegħu lill-membri ta’ dan is-Segretarjat bi stedina ta’ tama. “Jekk noqgħodu attenti għal-loġika umana biss, inkunu qed nirriskjaw li niddispraw. Minflok, aħna lkoll xhieda li min hu umli, esplojtat, fqir u eskluż, jista’ jikseb aktar”.

L-apostolat soċjali mhux qiegħed biex isolvi l-problemi, imma biex iġib ‘l quddiem proċessi u jinkoraġixxi t-tama.  Dawn il-proċessi għandhom jgħinu lin-nies u l-komunitajiet biex jikbru, ikunu konxji mid-drittijiet tagħhom, japplikaw il-ħiliet tagħhom u joħolqu futur għalihom infushom, qal il-Papa.

Huwa temm b’appell: “Kull fejn tkunu xerrdu t-tama, inkoraġixxu, ikkunslaw u agħtu l-ħajja. Iftħu orizzonti ġodda, oħolqu possibilitajiet u alternattivi u għinu biex wieħed jaħseb u jaġixxi b’mod differenti”.

“Imxu u kantaw biex l-inkwiet u l-problemi tal-ħajja ma jtellfukhomx il-ferħ li t-tama ġġib magħha”.