Il-Papa jħeġġeġ lill-atleti biex ikollhom miri ċari f’ħajjithom

Il-Papa jilqa' l-atleti dilettanti tal-futbol

“Ix-xogħol ta’ edukazzjoni u formazzjoni li tagħmel l-Assoċjazzjoni Nazzjonali Taljan tal-Futbol tal-Amateurs, ħaqqu jkun apprezzat u nkoraġġit”, qal il-Papa Franġisku lil grupp ta’ rappreżentanti tal-Assoċjazzjoni, li din is-sena qed tfakkar is-60 sena ta’ ħidma.

L-Assoċjazzjoni għandha bħala membri tagħha aktar minn 12,000 klabb tal-futbol tad-dilettanti li bejniethom għandhom aktar minn miljun membru, li jiġu flimkien għax iħobbu l-logħba tal-futbol.

Miri ċari

Fid-diskors tiegħu lil dan il-grupp, il-Papa Franġisku nnota li d-dinja tal-lum b’tibdil u sfidi li jinbidlu kontinwament, tolqot lil kulħadd b’mod speċjali liż-żgħażagħ. Għalkemm aħna l-ħin kollu niġru, spiss nidhru li ma għandniex mira ċara. Għandna dejjem naħdmu biex ikollna miri ċari li jgħinu biex kuljum nagħmlu l-aħjar tagħna, naħdmu u dejjem niġru b’mira ċara quddiemna.

Biex wieħed ikollu suċċess fl-isport mhux biss irid ikollu ħiliet naturali, imma jrid “jittrenja, ikun determinat, ikollu l-paċenzja, kapaċi jaċċetta telfa, ikollu spirtu ta’ tim u kapaċi jikkollabora mal-oħrajn u kapaċi jkun ferħan u kuntent”

Il-ferħ hu r-ruħ tal-logħba

Il-Papa Franġisku spjega li kelma Taljana “dilettante” tfisser li wieħed jieħu gost f’dak li qed jagħmel. “Intom dilettanti dejjem għandkom tiftakru, anke meta xi darba ssiru professjonali, li l-ferħ hu r-ruħ tal-logħba”.

Huwa wissa’ li jekk il-bżonn ta’ rebħa jew id-disprezz lejn it-tim ta’ kontra, itellifhom il-ferħ “ifisser li waqaftu tilgħabu u abbandunajtu l-kompetittività” li hi l-aktar “spirtu awtentiku” fl-isport.

“Għalhekk l-appell tiegħi lilkom hu, żommu fikom il-ferħ tal-logħba u xerrduh ukoll ma’ dawk li jarawkom u jifirħu bikom”, qalilhom il-Papa li żied jgħidilhom li l-mod kif jilgħabu l-logħba se jkun ta’ eżempju għall-oħrajn kemm jekk tajjeb kif ukoll jekk ħażin.

Spirtu ta’ solidarjetà

Il-Papa ħeġġeġ lil dawn iż-żgħażagħ biex ikollhom spirtu ta’ solidarjetà u jersqu lejn dawk li jaqgħu jew jiżbaljaw u mhux li jħarsu b’dispress lejn dawk li m’humiex tant kapaċi. Dan l-ispirtu ta’ solidarjetà, ifisser li tifhmu li fis-soċjetà, nistgħu nirbħu biss meta nilgħabu flimkien; u jekk inħallu lill-batut fil-ġemb, allura nitilfu. Din il-“mentalità ta’ solidarjetà”, żied jgħid il-Papa, għandha tgħin “għar-rivoluzzjoni ta’ bidla kulturali” li nittamaw li jkollna.

Papa Franġisku temm b’kelma ta’ nkoraġġiment għall-atleti żgħażagħ u qalilhom: “Dejjem kunu ċari fil-miri tagħkom fil-ħajja. B’hekk dejjem tkomplu titjiebu, aktar legali u ħbieb kbar”.