Il-Papa jħeġġeġ għall-għaqda bejn żgħażagħ ta’ twemmin differenti

Bejn it-28 ta’ Diċembru u llum, l-1 ta’ Jannar, madwar 15,000 żagħżugħ u żagħżugħa huma l-mistiedna ta’ 170 parroċċa f’Madrid fejn qed issir il-41 edizzjoni tal-Laqgħa taż-Żgħażagħ Ewropej, organizzata mill-Komunità Ekumenika Taize.

Il-Papa Franġisku qed jistieden lil dawn iż-żgħażagħ biex jiftħu l-bibien ta’ qlubhom għal Alla u għall-Kelma Tiegħu “u jippromwovu kultura ta’ laqgħat”, billi jilqgħu lil xulxin u jirrispettaw id-differenzi ta’ bejniethom.

Il-Kardinal Pietro Parolin, Segretarju tal-Istat tal-Vatikan, bagħat messaġġ lil din il-komunità ekumenika għan-nom tal-Papa Franġisku li qed tiltaqa’ biex tiddiskuti t-tema “Ejja ma ninsewx l-ospitalità.”

Fil-messaġġ, il-Papa fakkar fil-messaġġ tiegħu għal Jum iż-Żgħażagħ tas-sena li għaddiet u ħeġġiġhom biex qatt ma jitilfu x-xewqa li jgawdu “it-togħma bnina tal-laqgħa, tal-ħbiberija, tal-ħolm flimkien u tal-mixi mal-oħrajn. Dan għaliex l-insara awtentiċi ma jibżgħux jinfetħu għall-oħrajn, biex jaqsmu l-ispazji fejn jgħixu u jibdluhom fi spazji ta’ ftaternità.”

Kattoliċi, Protestanti u Nsara Ortodossi minn madwar 30 pajjiż jiffurmaw din il-komunità ekumenika li twaqqfet waqt it-Tieni Gwerra Dinjija, fl-1940, f’Taize, fi Franza. B’dan f’moħħu l-Papa qal li bħala ħbieb ta’ Ġesù hu possibbli li ngħixu ospitalità ġeneruża u nitgħallmu kif nissaħħu bid-differenzi tal-oħrajn u nużaw it-talenti tagħna biex nibnu l-pontijiet bejn il-Knejjes, ir-reliġjonijiet u l-popli.

Fil-messaġġ il-Papa qal li jitlob lill-Ispirtu s-Santu biex jgħin lil dawn iż-żgħażagħ Kattoliċi, Protestanti u Ortodossi biex jilqgħu d-differenzi ta’ xulxin bħala “vjaġġ ta’ komunjoni” u stedinhom jużaw it-talenti, l-enerġija u s-saħħa tagħhom biex itejjbu d-dinja u jassiguraw li kull persuna tkun tista’ ssib postha fil-familja umana.

 

Il-Papa qal li l-Madonna hi mudel li “l-imħabba tagħha hi orjentata lejn l-għoti tagħha nnifisha”. Għalhekk hu stieden liż-żgħażagħ li qed jiltaqħu f’Madrid biex isibu l-istimolu biex jgħixu konkretament “din il-karità li tridna nħobbu ‘l Alla fuq kollox u lilna nfusna u li nħobbu lin-nies li magħhom naqsmu l-ħajja ta’ kuljum.”

 

Messaġġi oħra li ntbagħtu lill-Komunità Taize għal din il-laqgħa kienu mill-Patrijarka Bartholomew ta’ Kostantinopli; is-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill Mondjali tal-Knejjes; Is-Segretarju Ġenerali tal-Federazzjoni Mondjali tal-Luterani; is-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti u s-Sindku ta’ Madrid.