Il-Papa jħeġġeġ għal żvilupp sostenibbli u l-ħarsien tad-dar komuni

Il-Papa jkellem lir-rappreżentanti tal-provinċji Taljani

Il-Papa Franġisku ħeġġeġ lill-awtoritajiet pubbliċi biex ikunu mpenjati favur il-ġid komuni billi jaħdmu għal żvilupp sostenibbli u ieħdu ħsieb id-dar komuni tagħna – id-dinja.

F’laqgħa li kellu ma aktar minn 100 rappreżentant tal-Unjoni tal-Provinċji Taljani, il-Papa fakkarhom dwar l-importanza li jkollna toroq u skejjel siguri għax dawn huma mportanti ħafna biex ikun hemm żvilupp b’mod ordinat u biex il-ħajja ta’ kuljum timxi b’mod normali.

Papa Franġisku nnota li l-Assoċjazzjoni li tiġbor fiha l-provinċji kollha tat-territorju Taljan, taħdem għall-ġid komuni, billi tħares l-art u l-ħamrija partikolarment f’zoni li huma f’riskju, billi żżomm it-toroq fi stat tajjeb u tgħaqqad irħula żgħar ma’ bliet kbar u tieħu ħsieb li l-iskejjel ikun fi stat sigur u jitmexxew tajjeb.

Hu fakkar li meta l-flus u r-riżorsi umani jkunu nvestiti sew u ma jkunx hemm ħela, tfixkil u degradazzjoni, dan iwassal għal tifdil sostanzjali u vantaġġi ekonomiċi. Sostna li l-ħidma ta’ diversi setturi fis-soċjetà għandha tiggarantixxi li t-toroq, skejjel u postijiet oħra ma ssirilhomx ħsara għax ma jkunux mitluqa jew ma ssirilhomx il-manutenzjoni meħtieġa.

Ix-xjenza u t-teknoloġija mhux biżżejjed

Papa Franġisku nnota li faċilment nistgħu naħsbu li l-progress mgħaġġel fit-teknoloġija u x-xjenza, flimkien mal-inizjattiva individwali, jistgħu jgħinuna naqdu d-diversi ħtiġijiet tal-individwi u tas-soċjetà u jkollna soċetà fejn ħadd ma jispiċċa emarġinat, eskluż jew fil-faqar.

Iżda, barra l-benefiċċji u żviluppi pożittivi, jista’ jkun hemm żbilanċ u emarġinazzjoni, li kultant anke jiżdiedu u li hemm bżonn ikunu ndirizzati b’impenn intelliġenti u b’solidarjetà ma’ kulħadd, sostna l-Papa.

Dan jitlob ħidma minn gruppi tas-soċjetà ċivili u assoċjazzjonijiet u azzjoni kostanti mill-awtoritajiet pubbliċi fuq diversi livelli.

L-ambjent u d-dar komuni tagħna

Il-Papa saħaq fuq il-bżonn li noħolqu u nifirxu kuxjenza u għarfien urġenti dwar l-ambjent. “L-importanza li nieħdu ħsieb id-dar komuni tagħna fid-diversi aspetti tagħha, trid tinħass aktar kemm mill-individwi kif ukoll mir-rappreżentanti tagħhom fl-istituzzjonijiet”.

Filwaqt li rringrazzja lill-provinċji għad-donazzjoni tagħhom għall-karitajiet tal-Knisja, l-Papa Franġisku nkoraġġihom jaħdmu għal żvilupp verament sostenibbli.