Il-Papa jħeġġeġ biex Santwarju fil-Filippini jsir ċentru missjunarju

Is-Santwarju Nazzjonali ta' Sant'Antnin fil-Filippini

Waqt quddiesa li saret fit-23 ta’ April, il-Knisja ta’ Sant’Antnin ta’ Padova f’Pila, Laguna fil-Filippini kienet dikjarata Santwarju Nazzjonali u għal din l-okkażżjoni il-Papa Franġisku bagħat messaġġ speċjali fejn ħeġġeġ li din tkun ukoll ċentru missjunarju.

Hekk kif id-djoċesi ta’ San Pablo ferħet b’dan l-ewwel Santwarju Nazzjonali fil-belt ta’ Pila, il-Papa qalilha li kien qed jitlob biex id-devoti tal-qaddis patrun jiġġeddu fl-imħabba lejn Alla.

Santwarju Nazzjonali

L-Arċisqof Romulo Valles ta’ Savao, President tal-Konferenza Episkopali tal-Filippini, ikkonċolċebra ‘l quddiesa li fiha l-knijsa kienet dikjarata Santwarju Nazzjonali.

“Jalla dan ikun verament santwarju fejn min hu bil-għatx jiġi jixrob waqt il-vjaġġ missjunarju” qal il-Papa Franġisku fil-messaġġ li bagħat għall-okkażjoni li nqara waqt il-quddiesa min-Nunzju Apostoliku, l-Arċisqof Gabriele Caccia.

Il-Konferenza Episkopali kienet approvat petizzjoni f’Jannar li għadda biex il-Knisja ta’ Sant’ Antnin tkun elevata għal Santwarju Nazzjonali. Dan seħħ 17-il sena wara li fl-2002 kienet dikjarata santwarju djoċesan.

Qaddis popolari 

Sant’ Antnin ta’ Padova hu wieħed mill-aktar qaddisin popolari fil-Knisja Kattolika, b’festi organizzati f’diversi parroċċi madwar id-dinja nhar it-13 ta’ Ġunju, jum il-festa tal-qaddis. Hemm tradizzjoni li f’din il-festa jitbierek ħobż li jitqassam lill-insara.

Iżda ftit jafu li Sant’ Antnin twieled f’Lisbona, l-Portugal u mhux bill-belt Taljana ta’ Padova fejn kien miet fit-13 ta’ Ġunju, 1231.

Sant’ Antnin hu wieħed mill-aktar dixxipli magħrufa ta’ San Franġisk t’Assisi. Hu kien twieled fil-15 ta’ Awwissu, 1195 minn familja prominenti ta’ Lisbona.

Hu magħruf għall-predikazzjoni, l-għarfien tal-Iskrittura u l-imħabba għall-foqra u l-morda. Hu kien Patri Franġiskan u wieħed li kien kanonizzat malajr wara mewtu.  Sant’Antnin ta’ Padova kien dikjarat Duttur tal-Knisja u hu meqjus bħala qaddis patrun tal-affarijiet mitlufa.