Il-Papa jħeġġeġ biex Ruma tkun belt ta’ fraternità u paċi

Il-Papa Franġisku mas-Sindku ta’ Ruma, Virginia Raggi fil-Pjazza Campidoglio f’Ruma. (ANSA)

Il-Papa Franġisku nhar it-Tnejn iċċelebra l-150 anniversarju mid-dikjarazzjoni li l-belt ta’ Ruma saret il-belt kapitali tal-Italja u qal li dan kien providenzjali filwaqt li stieden lir-residenti tal-Belt Eterna bħala post ta’ solidarjetà u paċi.

Fit-3 ta’ Frar 1871, ir-Renju tal-Italja iddikjara Ruma bħala l-belt kapitali tiegħu wara li l-belt intrebħet mill-forzi Taljani mmexxija minn Giuseppe Garibaldi. Dan kien ifisser li l-Papa ma baqax ikollu kontroll fuq Ruma u l-istati papali.

Il-Papa sejjaħ il-proklamazzjoni ta’ Ruma bħala l-kapitali tal-Italja bħala “avveniment providenzjali li għalkemm wassal għal polemiċi u problem, bidel lil Ruma, lill-Italja u lill-istess Knisja u bdiet storja ġdida”.

Iċ-ċerimonja biex tfakkar dan l-anniversarju saret nhar it-Tnejn li għadda fit-Teatru tal-Opera ta’ Ruma, fil-preżenza tal-President tar-Republika Taljana, Sergio Mattarella u dinjitarji oħra fosthom is-Sindku ta’ Ruma Virginia Raggi u l-Kardinal Pietro Parolin, Segretarju tal-Istat tal-Vatikan li qara l-messaġġ tal-Papa.

Ferħ u problemi

Il-Papa qal li Ruma nbidlet u kibret ħafna f’dawn il-150 sena u l-Knisja qasmet il-ferħ u l-problemi mal-poplu ta’ Ruma. Hu semma tliet avvenimenti li juri kif il-Knisja u Ruma jinfluwenzaw lil xulxin.

L-ewwel minn dawn l-avvenimenti kien l-okkupazzjoni Nazista ta’ Ruma għal disa’ xhur sħaħ bejn l-1943 u l-1944 li matulhom, aktar minn elf Lhudi Ruman intbagħatu għall-mewt fil-kampjiet tal-konċentrament.

F’dak il-perjodu, l-Knisja offriet refuġju lil ħafna li kienu fil-periklu li jaqgħu f’idejn in-Nazisti. Dan wassal biex waqgħu “barrier antiki u distanzi” bejn il-komunitajiet Lhud u Kattoliċi. “Minn dawk iż-żminijiet diffiċi nitgħallmu l-lezzjoni tal-fraternità li kien hemm bejn il-Knisja Kattolika  u l-komunitajiet Lhud”.

Ruma dar għal kulħadd

Avveniment ieħor kien il-Konċilju Vatikan II li sar f’Ruma bejn l-1962 u l-1965 li matulu Ruma “uriet li hi post universali, Kattoliku u ekumeniku”, meta laqgħet mijiet ta’ Isqfijiet, osservaturi ekonomiċi u esperti minn madwar id-dinja.

It-tielet avveniment li semma l-Papa kienet il-Konferenza li saret fi Frar 1974 mid-djoċesi ta’ Ruma dwar “il-ħażen li kien qed jolqot Ruma”. Il-parteċipanti f’dik il-Konferenza ippruvaw jgħinu lill-Knisja tisma’ lill-foqra u lil dawk li kienu fil-periferija. Il-lezzjoni li ttieħedet minn dik il-Konferenza kienet li “il-belt trid tkun id-dar ta’ kulħadd.

Paċi bil-fraternità

Il-Papa ħeġġeġ lill-poplu ta’ Ruma u lill-politiċi li jħarsu lejn belthom mil-lenti ta’ dawk li jaslu fiha biex ifittxu futur aħjar. “Ruma hi riżorsa kbira għall-umanità. Ruma hi belt ta’ sbuħija unika”. U l-belt trid tkun rinnovata kemm “billi tinfetaħ għad-dinja u tinkludi lil kulħadd”.

Fl-aħħarnett il-Papa Franġisku qal li l-Belt Eterna “għandha tippromwovi l-għaqda fid-dinja bil-mod li kapaċi ssir il-belt tal-fraternità[MS1] ”.


 [MS1]