Il-Papa jħalli l-Vatikan għall-ħames vjaġġ appostoliku

F’nofsinhar tal-lum il-Papa Franġisku jasal fil-kapitali tat-Turkija, bil-għan li jkompli jenfasizza fuq l-importanza tad-djalogu bejn ir-reliġjonijiet. 
Tul it-tliet ijiem fit-Turkija, il-Papa l-ewwel se jinżel f’Ankara għal-laqgħat formali mal-għola istituzzjonijiet tal-pajjiż u mbagħad imur f’Istanbul għal-laqgħat reliġjużi, fosthom mal-ekumeniċi, mal-ortodossi u mal-iżlamiċi.
Il-mexxej tal-Knisja Kattolika mistenni jiltaqa’ wkoll mar-refuġjati Iraqqini u Sirjani li ħarbu minn djarhom minħabba l-gwerra u jaħtaf din l-opportunità biex jerġa’ jikkundanna lil dawk li jużaw l-isem ta’ Alla biex jiġġustifikaw il-vjolenza u t-tixrid ta’ demm.
L-ewwel waqfa se tkun fuq il-qabar ta’ Ataturk, l-ewwel fundatur u president tar-repubblika Torka u wara tibda ċ-ċerminonja ta’ merħba fil-Palazz tal-President Recep Tayyip Erdogan. 
Il-Papa se jqatta’ l-ewwel lejl tal-vjaġġ fin-Nunzjatura Appostolika biex imbagħad għada jibda t-triq lejn Istanbul. 
L-ewwel vjaġġ appostoliku tal-Papa Franġisku kien għall-Jum Dinji taż-Żgħażagħ is-sena l-oħra fil-Brażil. 
F’Mejju ta’ din is-sena għamel pellegrinaġġ ta’ jumejn fl-Art Imqaddsa u tliet xhur wara, f’Awwissu, għamel l-ewwel vjaġġ appostoliku fl-Ażja meta qatta’ ħamest ijiem fil-Korea ta’ Isfel. Fil-21 ta’ Settembru mar f’Tiranna fl-Albanija. 
Iż-żjara tal-lum fit-Turkija hi l-ħames vjaġġ appostoliku. 
Iż-żjara ta’ erba’ sigħat ta’ din il-ġimgħa fil-Parlament Ewropew fi Strasburgu kienet żjara uffiċjali bħala kap ta’ stat.