Awdjo: Il-Papa jħabbar velja ta’ talb favur il-paċi fid-dinja

Waqt ir-reċita tal-Angelus, il-Papa Franġisku ħabbar velja ta’ talb fis-7 ta’ Settembru li ġej mis-7pm sa nofsillejl, fi Pjazza San Pietru sabiex tieqaf il-gwerra fid-dinja speċjalment fis-Sirja u fil-Lvant Nofsani. Dan il-mument ta’ talb u konfessjoni għandu jsaħħaħ il-ġesti favur il-paċi madwar id-dinja kollha. Il-Papa talab bil-ħerqa lill-Madonna biex tirrispondi għall-vjolenza u l-kunflitt tal-gwerra bir-rikonċiljazzjoni.

Il-Papa kkundanna b’fermezza l-użu tal-armi kimiċi fis-Sirja. Dwar dan huwa saħaq li hemm il-ġudizzju t’Alla inevitabbli fuq l-azzjonijiet tal-bniedem. Il-Qdusija Tiegħu saħaq li l-vjolenza u l-gwerra qatt ma jistgħu jġibu l-paċi u għamel appell biex min hu konċernat jisma’ l-kuxjenza tiegħu, ma jarax l-interessi tiegħu u jieħu t-triq tan-negozzjati għal popolazzjoni Sirjana. Papa Franġisku talab għal dawk kollha involuti biex jgħinu lin-nies milquta mil-gwerra u importanti li dawn isibu s-saħħa u l-kuraġġ biex jibqgħu jagħtu l-għajnuna meħtieġa.

Illum il-Papa xtaq juri x-xewqa tiegħu favur il-paċi fost il-proxxmu f’dinja mimlija diviżjoni u kunflitti.  Papa Franġisku jqis il-paċi bħala don prezzjuż li għandu jkun mifrux. Il-Qdusija Tiegħu għamel referenza għal diversi sitwazzjonijiet ta’ kunflitt madwar id-dinja imma imnikket għal dak li qed iseħħ fis-Sirja u dak li huwa mistenni li jkompli fil-futur. Fi kliemu, hemm wisq sofferenza u devastazzjoni fis-Sirja li rrefera għalih bħala martirju. Papa Franġisku jinsab mħasseb għal dawk it-tfal li ma jistgħux jaraw id-dawl tal-futur tagħhom.

Il-Papa jistieden lill-Knisja Kattolika, il-Kristjani u n-nies li jħaddnu reliġjonijiet oħra biex jaħsbu dwar il-paċi bħala s-salvazzjoni u t-triq it-tajba. Il-Papa sostna li n-natura tal-kunflitt ma toħloqx konvivenza u li l-kultura tad-djalogu hija l-unika triq li għandha twassal għall-paċi.