Il-Papa jħabbar li se ssir Laqgħa għaż-Żgħażagħ qabel is-Sinodu tas-sena d-dieħla

F’Marzu li ġej, żgħażagħ minn madwar id-dinja kollha se jiltaqgħu fil-Vatikan biex jiddiskutu dwar is-Sinodu tal-Isqfijiet li se jiltaqa’ s-sena d-dieħla biex jiddiskuti “Iż-Żgħażagħ, il-Fidi u d-Dixxerniment Vokazzjonali”.
Il-Papa Franġisku meta kien qed jagħlaq l-aħħar Udjenza Ġenerali fil-Vatikan ħabbar hu stess li bejn id-19 u l-24 ta’ Marzu tas-sena d-dieħla, qabel is-Sinodu se jkun hemm opportunita’ biex il-Knisja tisma it-tamiet u t-tħassib taż-żgħażagħ, irġiel u nisa.
“F’dan il-vjaġġ il-Knisja trid tisma’ l-vuċijiet, tara s-sensibilita’ u tikkunsidra l-fidi, id-dibbji u l-kritika u tesplora t-tamiet taż-żgħażagħ. Il-Knisja għandha bżonn tisma’ lil dawn in-nies”, qabel is-Sinodu tal-Isqfijiet li se jiddiskuti temi li jolqtuhom u li se jsir f’Ottubru 2018.
Is-Segretarjat Ġenerali li qed i ħejji għal dan is-Sinodu qal li fl-inizjattiva li se tittieħed f’Marzu se “tagħti  ċans liż-żgħażagħ jesprimi l-aspettativi u x-xewqat tagħhom u jlissnu l-inċertezzi u t-tħassib tagħhom fid -dinja kumplessa tal-lum”.
Iż-żgħażagħ li se jattendi għal din il-laqgħa se jkunu qed jirrappreżentaw Konferenzi Episkopali, il-Knejjes Kattoliċi tal-Lvant, nisa u rġiel fil-ħajja konsagrata, seminaristi li qed iħejju għas-saċerdozju u n-nies ordinarji.
Se jattendu wkoll rappreżentanti ta’ komunitajiet insara u reliġjonijiet oħra u esperti fl-oqsma tal-edukazzjoni, l-isport u l-arti li huma nvoluti f’ħidmiet biex jgħinu liż-żgħażagħ jagħmlu l-għażliet għall-futur tagħhom.
“Din il-laqgħa pre-Sinodali se tarrikixxi l-fażi ta’ konsultazzjoni, li bdiet bil-pubblikazzjoni ta’ dokument preparatorju u bi kwestjonarju flimkien ma’ sit elettroniku li fuqu hemm kwestjonarju speċifiku għaż-żgħażagħ.  Il-konklużjonijiet li joħorġu minn din il-laqgħa taż-żgħażagħ jingħataw lill-Isqfijiet biex jinkoraġġuhom u jgħinhom fir-riflessjoni tagħhom u jistudjaw fil-fond dawk li jgħidu ż-żgħażagħ.
Dawk li se jattendu għal din il-laqgħa taż-Żgħażagħ se jieħdu sehem ukoll fil-quddiesa ta’ Ħadd il-Palm li ssir fil-Vatikan fil-25 ta’ Marzu li jaħbat ukoll il-Jum Dinji taż-Żgħażagħ.