Il-Papa jħabbar it-tema tal-Laqgħa Dinjija tal-Familji

L-aħħar Laqgħa Mondjali tal-Familji li saret fl-Irlanda s-sena li għaddiet

“L-Imħabba tal-Familja: vokazzjoni u triq għall-qdusija” hi t-tema tal-Laqgħa Dinjija tal-Familji li jmiss issir f’Ruma bejn it-23 u s-27 ta’ Ġunju 2021.

Stqarrija mid-Dikasteru għal-Lajċi, l-Familja u l-Ħajja tgħid li billi din il-Laqgħa se ssir fil-5 anniversarju tal-Eżortazzjoni Apostolika “Amoris Laetitia” u tliet snin wara tal-promulgazzjoni ta’ “Gaudete et Exsultate”, l-iskop tal-Laqgħa se jkun biex “tenfasizza l-imħabba tal-familja bħala vokazzjoni u mod għall-qdusija u taqsam is-sinjifikat profond tar-relazzjonijiet familjari fil-ħajja ta’ kuljum”.

Rigal prezzjuż

“L-imħabba bejn il-miżżewġin u l-imħabba għall-familja juruna r-rigal prezzjuż tal-ħajja flimkien fejn il-komunjoni tikber u l-kultura individwalistika, il-konsum u l-ħela jitwarrbu”, tgħid l-istqarrija. Tenfasizza wkoll il-bżonn li nirrikonoxxu l-importanza tal-identità ta’ kullmembru tal-familja.

Skont l-istqarrija, iż-żwieġ u l-familja jsawwru esperjenza konkreta ta’ mħabba. Juru “is-sinjifikat kbir tar-relazzjonijiet umani fejn il-ferħ u t-taqbid naqsmuhom flimkien fil-ħajja ta’ kuljum fil-mixja tagħna lejn il-laqgħa ma’ Alla”.

Dan il-vjaġġ isaħħaħ l-imħabba u jgħin il-vokazzjoni lejn il-qdusija. B’dan il-mod, il-Familja Nisranija hi espressjoni “tal-isbaħ wiċċ tal-Knisja”.

L-aħħar Laqgħa Mondjali tal-Familji kienet saret fl-Irlanda f’Awwissu 2018 fejn it-tema magħżula mill-Papa Franġisku kienet: “Il-Vanġelu tal-Familja: Ferħ għad-Dinja”.