Ta’ kull sena l-Papa jiċċelebra quddiesa fil-bidu ta’ Novembru b’suffraġju għall-Kardinali u Isqfijiet li jkunu mietu matul is-sena. Din is-sena l-Quddiesa kienet ċelebrata fl-4 ta’ dan ix-xahar u offruta għal 160 bejn Kardinali u Isqfijiet li mietu minn Diċembru tas-sena l-oħra ‘l hawn.
Fl-Omelija tal-Quddiesa l-Papa Franġisku kkummenta dwar l-istedina ta’ Kristu biex nitlaqqmu. “Morru għand Ġesù, Alla Ħaj biex nitlaqqmu kontra l-mewt, kontra l-biża’ li kollox għad jispiċċa”.
Il-Papa ssuġġerixxa tliet punti għal eżami tal-kuxjenza li hu sejħilhom tliet tfakkiriet għat-tilqima. Jien insib ħin kuljum għal Alla? Jien inħoss u nagħmel xi ħaġa għal dawk li huma l-aktar fil-bżonn? Id-deċiżjonijiet importanti li nieħu nagħmilhom taħt il-ħarsa ta’ Alla?
Huwa nnota li l-ħajja kollha hi moviment biex noħorġu ‘l barra u spjega li l-aktar ħarġa diffiċli hi dik li wieħed “joħroġ minnu nnifsu”. Il-frażi li juża Ġesù hi splussiva: Dak li jiġi għandi jien ma nkeċċihx, donnu jrid jgħidilna li jibqgħu barra dawk li ma jmorru għandu. Għal min jemmen m’hemmx triq tan-nofs: wieħed ma jistax ikun ta’ Kristu u jingħalaq fih innifsu”, spjega l-Papa.
“Min hu ta’ Kristu jgħix billi jmur Għandu” enfasizza l-Papa.
Eżami tal-kuxjenza
B’mod konkret, il-Papa Franġisku ppropona li wieħed għandu jistaqsi lilu nnifsu dwar kif għadda l-ġurnata.
Illum, fix-xogħol li kelli nagħmel, jien ersaqt lejn Alla? Sibt okkażjoni biex nitkellem Miegħu? Fin-nies li ltqajt magħhom illum, involvejtu lil Ġesù? Lil dawn in-nies mexxejthom Lejh fit-talb? Jew għamilt kollox moħħi fiha nnifsi, nifraħ biss b’dak li marli tajjeb u ngemgem dwar dak li mar ħażin?
Nersaq lejn Ġesù?
U finalment, jien ngħix billi nersaq lejn Ġesù jew moħħi fiha nnifsi? F’liema direzzjoni hi triqti? Jien moħħni biss biex nidher tajjeb u nħares biss dak li hu tiegħi jew nersaq lejn il-Mulej?
Il-Quddiesa li Papa Franġisku ċċelebra flimkien mal-Kardinali Giovanni Battista Re u Francis Arinze, saret fl-artal tal-Katedra ta’ Pietru, fil-Bażilika tal-Vatikan.
Fost it-13-il Kardinal li mietu din is-sena, li għalihom talab il-Papa kien hemm il-Kardinali: Godfried Danneels (Belgju), Roger Etchegaray (Franza) u Nasrallah Pierre Sfeir (Lebanon).
Fost il-147 Arċisqfijiet u Isqfijiet kien hemm 21 Franċiż, ħamsa minnhom li kienu għadhom attivi u 16 oħra Isqfijiet emeriti.