Il-Papa jgħid lit-tobba Kattoliċi li l-fejqan jitlob li jkunu qrib il-marid

Il-Papa jħeġġeġ lit-tobba Kattoliċi biex ikunu qrib il-marid

Il-Papa Franġisku stieden lit-tobba Kattoliċi biex jersqu aktar qrib il-pazjenti billi jisimgħu sew  it-tħassib tagħhom u jikkonfortawhom fil-mard tagħhom hekk kif Ġesù kien jagħmel fil-ministeru tiegħu.

“Billi kien qrib tagħhom u jahdirhom, Ġesù wera l-imħabba bla qies ta’ Alla l-Missier għal uliedu l-aktar fil-bżonn”. Dan hu l-mudell li l-Papa Franġisku offra lill-membri tal-Federazzjoni Internazzjonali tat-Tobba Kattoliċi meta tkellem magħhom nhar is-Sibt filgħodu.

Ġesù, qal il-Papa, wera ħniena u kumpassjoni kbira mal-morda tant li l-ewwel insara kienu jirreferuh għalih bħala “tabib”.  Ġesù kien jersaq lejn il-morda u l-persuni b’diżabilità, li ħafna drabi kien jkunu mwarrba u meqjusa bħala midinbin, min-nies ta’ żmienhom.

“Għalhekk, il-kura tal-morda kienet aspett important u essenzjali fil-missjoni ta’ Kristu u konsegwntement fil-missjoni tal-Knisja wkoll” qal il-Papa.

Ersqu qrib il-marid      

Il-mod kif Ġesù kien jimpurtah mill-morda hu ta’ tagħlima għall-morda u l-infermiera ta’ kull eta’ u ta’ kull żmien.

Dan il-mod kien ifisser li Kristu kien jersaq lejn il-persuna, minkejja r-regoli li seta’ kien hemm fis-soċjetà u saħansitra kien jistaqsi lill-marid “Xi trid li nagħmillek?” u jibda djalogu mal-pazjent u jibda l-proċess ta’ serħab, rikonċiljazzjoni u fejqan.

“Meta l-kura tingħata b’imħabba ġenwina lejn l-oħrajn, tespandi l-orizzonti ta’ min qed jirċiviha, għax il-bnedmin huma” għaqda ta’ spirtu, ruħ u ġisem”.

Nikkuraw lill-bniedem sħiħ  

Il-Papa Franġisku qal li Ġesù kien ifejjaq lill-bniedem sħiħ billi “jqajjem u jibgħat ‘l quddiem lil dawk li kien jersaq lejhom u jfejjaqhom.  U ħafna min-nies li fejjaq imbagħad saru dixxipli tiegħu.

Il-professjonisti mediċi Kattoliċi, qal il-Papa “huma msejħa biex jipprovdu kura b’sensittivita u rispett għad-dinjita u għall-integrità fiżika u psikoloġika ta’ kull persuna”.

Hu appellalhom biex jagħmlu l-kura li jagħtu akatar umana billi jisimgħu b’atenzjoni u joffru inkoraġġiment u jagħtu t-tama lill-marid.

Rispett għall-ħajja

Il-Papa rrikonoxxa li fl-aħħar 100 sena saru progress kbir fir-riċerka u t-trattament mediku. “Aħna nistgħu u għandna ntaffu l-uġiegħ u dan ifisser ukoll li għandna ngħallmu lin-nies kif jibżgħu aktar għal saħħithom.”

Huwa qal illi li nieħdu ħsieb l-oħrajn ifisser li “nirrispettaw ir-rigal tal-ħajja mill-bidu sat-tmiem. Aħna mhux sidien tal-ħajja imma din hi mislufa lilna u t-tobba huma għas-servizz tagħha”.

Tiġdid spiritwali      

Fl-aħħarnett il-Papa Franġisku ħeġġeġ lit-tobba Kattoliċi biex jgħaqqdu l-professjonalità, il-ħidma flimkien u l-integrità etika għall-benefiċċju tal-pazjenti kollha u stedinhom jaqraw il-Bibbja u jersqu spiss lejn is-Sagramenti.

“L-Ispirtu s-Santu jagħtikom id-don tad-dixxerniment li għandkom bżonn meta tiltaqgħu ma’ sitwazzjonijiet sensittivi u kumplessi u biex għid l-affarijiet sew b’mod tajjbe u tisktu fil-mumenti li jkun hemm bżonn”.