Il-Papa jgħid lit-tfal kif jieħdu sehem fil-pjan ta’ Alla għall-ħolqien

Il-Papa Franġisku jiltaqa’ mat-tfal li pparteċipaw fil-proġett “Nista’”

Nhar is-Sibt li għadda l-Papa Franġisku laqa’ fil-Vatikan numru ta’ tfal tal-iskola li pparteċipaw  fil-laqgħa dinjija tal-“Yo Puedo” (Nista’), proġett ispirat mill-Enċiklika Laudato Si u fakkarhom kif huma jistgħu jipparteċipaw fil-Pjan ta’ Alla għall-ħolqien.

“Jien inħobb nara I-attività tagħkom ta’ kuljum. Azzjoni sabiħa magħmula minn ħafna ġesti żgħar. U dan ifakkarni fl-arti tal-mużajk, fejn ħafna biċċiet żgħar jitpoġġew flimkien biex jiffurmaw stampa akbar. Meta tarahom mill-qrib dawk il-biċċiet żgħar waħidhom ma jagħmlux sens, imma flimkien joħolqu stampa mill-isbaħ”, qal il-Papa.

Papa Fanġisku żied jispjega lil dawn it-tfal li kienu akkumpanjati mill-għalliema tagħhom li “Fit-tradizzjoni Lhudija u nisranija is-sbuħija u t-tjubija jintrabtu flimkien b’mod inseparabbli. Fil-Ġenesi naqraw li fil-ħolqien, Alla fired id-diversi elementi li jiffurmaw id-dinja, id-dawl mid-dlam, l-art mill-baħar, jimla l-art bil-pjanti u l-annimali u meta kollox kien lest ħoloq ir-raġel u l-mara. Wara li ħalaq kollox naqraw li “Alla ra li kollox kien sew” u għar-raġel u l-mara qal: “Alla ra li dak li kien għamel, kien tajjeb ħafna”.

“Il-kelma ‘tajjeb’ bl-Ebrajk għandha tifsira wiesa u tfisser mhux biss tajjeb imma anke armonjuż. Armonija mużikali magħmula minn dak li hu sabiħ, tajjeb li jinqasam bejnietna. Il-ħolqien jiskantana bis-sbuħija tiegħu, bil-varjetà u fl-istess waqt, ipoġġina saqajna mal-art u jġiegħlna nifhmu li s-sehem tagħna fid-dinja jinsab f’dan il-kobor.

Armonija

“Meta  niskantaw lejn u nammiraw is-sema u l-istilel, jew l-ilma jgelgel f’xi xmara, moħħna jmur fl-awtur ta’ din is-sbuħija, teżor mogħti lill-bniedem li trid tikkultivah u tħarsu. Għalhekk fl-Iskrittura hemm rabta kbira bejn is-sabiħ u t-tajjeb.

“Hekk kif Alla għamel il-kreazzjoni għall-bniedem hekk ukoll il-bniedem innifsu jilħaq il-milja kollha tiegħu billi jagħti l-ħajja lil xi ħaġa sabiħa. Aħna għandna ċ-ċavetta tal-univers u minn din iċ-ċavetta jiddependi jekk insalvawx dan l-univers: iċ-ċavetta hi l-pjan ta’ Alla. Irridu nagħrfu li l-intenzjoni wara s-sbuħija tal-ħolqien hi x-xewqa tal-Ħallieq li jikkomunika u joffri messaġġ sabiħ li dawk li jifhmuh, jiġifieri lilna l-bnedmin.

“Ejja ma nidħkux bina nfusna u naħsbu li nistgħu nissostitwixxu is-sbuħija tal-ħolqien b’xi ħaġa li nistgħu noħolqu aħna stess. Kultant, aħna wkoll, bla ma nindunaw, naqgħu f’din it-tentazzjoni meta il-JIEN isir iċ-ċentru ta’ kollox u ta’ kulħadd. Minflok ħbieb, dan il-proġett li qed tagħmlu intom, ispirat mill-enċiklika Laudato Si, jenfasizza li aħna ma nistgħux inkunu “aħna” mingħajr l-oħrajn. Ejja ma nitqarrqux u naqgħu fin-nassa tal-esklussività. Tifhmu li “Jien Nista’” trid tinbidel f’”Aħna nistgħu flimkien”. Flimkien hu isbaħ u aktar effettiv! Aħna nistgħu flimkien”, insista l-Papap.

Flimkien

“Flimkien, naturalment mal-għalliema, li jien nixtieq insellem u nirringrazzjahom li bix-xogħol tagħhom qed jakkumpanjawkom f’dan il-proġett. Aħna lkoll imsejjħa biex nibnu ‘villaġġ globali tal-edukazzjoni’. Din hi frażi sabiħa: “villaġġ globali tal-edukazzjoni”. Fejn min jgħix fih jiġġenera xibka ta’ relazzjonijiet umani li hi l-aħjar antidotu kontra kull forma ta’ diskriminazzjoni, vjolenza u bbuljar. F’dan il-villaġġ kbir, l-edukazzjoni tissarraf fi fraternità u l-ħolqien tal-paċi bejn il-popli tal-familja umana u ta’ djalogu bejn ir-reliġjonijiet.

“Flimkien mal-ġenituri. Dawn huma mportanti biex l-inizjattiva tagħkom ikollha suċċess. Il-ġenituri mhux biss jikkontribwixxu biex il-proġett jasal fit-tmiem imma jipparteċipaw fil-proġett edukattiv. Aħna l-kbar nistgħu nitgħallmu miż-żgħażagħ li huma fuq quddiem biex jikkonservaw in-natura.

“Għeżież tfal”, temm jgħid il-Papa Franġisku, “Fikom nara kuraġġ. Kuraġġ għal proġett ta’ titjib ambjentali u soċjali li qed isir realtà; proġett li se jħalli l-marka tiegħu. Intom għamiltu għażla tajba: warrabtu ħarsitkom minn fuq it-telefon ċellulari, xammartu l-kmiem biex taqdu lill-komunità. Intom poġġejtu t-telefon ċellulari tagħkom għas-servizz ta’ dan l-impenn! Il-kreattività u l-immaġinazzjoni għamlu din l-inizjattiva tagħkom ferm aktar interessanti. Intom urejtu li l-intelliġenza artifiċjali weħidha ma tistax tipprovdi dak li l-bniedem għandu bżonn”.