Il-Papa jgħid lill-Kapuċċini biex jimxu fuq l-eżempju ta’ San Franġisk

Il-Papa jfaħħar il-kariżma tal-Kapuċċini li jaħdmu mal-morda

Aktar kmieni dan ix-xahar il-Papa Franġisku laqa’ l-parteċipanti tal-85 Kapitlu Ġenerali tal-Kapuċċini li kien qed jiltaqa’ f’Ruma u ħeġġiġhom jimxu fuq l-eżempju ta’ San Franġisk.

“Fil-passi ta’ Kristu u fuq l-eżempju ta’ San Franġisk, li tgħallem l-umiltà u li jkun ta’ servizz meta ltaqa’ mal-lebbrużi, aħdmu biex tgħixu relazzjonijiet u tagħmlu attività reliġjuża b’umiltà u b’ġenerożità. B’hekk b’ġesti ta’ kuljum tistgħu tilħqu dik il-‘minoranza’ li tikkaratteizza lis-segwaċi ta’ San Franġisk.

“Dan hu rigal speċjali li hu meħtieġ ħafna mill-Knisja u għall-umanità ta’ żmienna. Alla hekk jaħdem:  Jagħmel l-affarijiet sempliċi. L-umiltà u s-sempliċità huma l-istil ta’ Alla; u hu dan l-istil li aħna lkoll bħala nsara, imsejjħa biex nadottaw f’ħajjitna u fil-missjoni tagħna. Il-veru kobor hu li niċċekknu u nsiru qaddejja.

“B’dan iċ-ċokon f’qalbkom u fl-istil tal-ħajja tagħkom tkunu qed tagħtu kontribut fl-impenn kbir tal-Knsija lejn l-evanġeliżazzjoni. Dan tagħmluh billi taqdu l-apostolat tagħkom b’ġenerożità f’kuntatt dirett ma’ popli u kulturi speċjalment ma tant nies foqra li qed ibatu.

“Ninkoraġġikom f’dan l-isforz li qed tagħmlu waqt il-Kapitlu tagħkom u nħeġġġiġkom biex ma taqtgħux qalbkom quddiem id-diffikultajiet fosthom in-nuqqas ta’ patrijiet f’ċerti postijiet. Anzi kuljum għandkom iġġeddu l-fiduċja u t-tama, bl-għajnuna tal-grazzja t’Alla. Jalla l-ferħ tal-Evanġelju li tant kien jaffaxxina lill-Fqajjar ta’ Assisi, ikun is-sors tas-saħħa tagħkom għax jekk insegwu l-Kelma t’Alla naraw kollox f’dawl ġdid, id-dawl tal-imħabba provvidenzjali t’Alla

“Dawn iż-żminijiet qed juru sinjali ċari ta’ skumdita spiritwali u morali minħabba n-nuqqas ta’ fidi. In-nies illum għandhom bżonn kbir li jħossuhom milqugħa, li jkunu mismugħa u li nilluminawhom bl-imħabba. Tieqfux tkun għalliema tat-talb, li tikkultivaw spiritwalità qawwija li tikkomunika ma’ kulħadd is-sejħa tal-“affarijiet minn fuq”.

“L-istorja tal-Ordni tagħkom hi mimlija b’xhieda kuraġġjużi ta’ Kristu u l-Vanġelu li uħud mihhom huma Qaddisin jew Beati. Il-qdusija tagħhom tikkonferma il-validità tal-kariżma tagħkom u l-identità tagħkom: konsagrazzjoni totali lil Alla, jekk ikun meħtieġ anke sal-martirju; ħajja sempliċi fost il-poplu, sensistività lejn il-foqra, akkumpanjament spiritwali u umiltà li twassalna biex naċċettaw lil kulħadd.

“L-identità kariżmatika tagħkom, imsaħħa bil-varjetà kulturali tal-familja reliġjuża tagħkom hi aktar valida minn qatt qabel u hi ta’ attrazzjoni għal ħafna żgħażagħ fid-dinja li qed ifittxu l-awtentiċita u dak li hu essenzjali. Il-fraternita hi element qawwi tal-ħajja konsagrata tagħkom li tbiegħdkom minn kull atteġġjament elitista u tinkoraġġikom dejjem biex tfittxu l-laqgħa bejnietkom u mal-oħrajn, partikolarment ma’ dawk il-ħafna li huma għatxana għall-imħabba li Alla biss jista’ joffrilna,” temm jgħid il-Papa Franġisku lis-Superjuri tal-Kapuċċini.