Il-Papa jgħid li “tendenzi omosesswali mhux dnub”

Filwaqt li nkoraġġixxa lill-ġenituri li meta jibdew jaraw “affarijiet strambi” f’uliedhom, jikkonsultaw ma’ xi professjonist għax jista’ jkun li t-tifel jew tifla tagħhom ma jkunux omosesswali, il-Papa qal li “…tendenzi omosesswali ma humiex dnub”.

Papa Franġisku kien qed jitkellem ma’ ġurnalista Spanjol fil-vjaġġ lura mill-Marokk lejn il-Vatikan fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet.  Il-ġurnalista fakkar lill-Papa fil-frażi li qal u li baqgħet tissemma “min jien jien biex niġġudika?”

Huwa spjega li “t-tendenzi m’humiex dnub”. Jekk ikollok tendenza li tirrabja, dak mhux dnub.  Imma jekk tkun irrabjat u tweġġa’ lil xi ħadd, hekk ikun id-dnub. Id-dnub hu meta taġixxi, taħseb, titkellem jew tagħmel xi ħaġa bil-libertà”.

Il-ġurnalist Spanjol – Jordi Evole – staqsa lill-Papa jekk jaħsibx li hi ħaġa rari għall-ġenituri li jkollhom tifel jew tifla omosesswali.  Il-Papa wieġeb li “fit-teorija” din mhux xi ħaġa rari.

“Jien qed nitekellem fuq persuna li qed tiżviluppa u l-ġenituri jibdew jaraw fiha affarijiet strambi.  Jekk jogħġobkom ikkonsultaw, morru għand xi professjonist biex taraw xi jkun għax jista’ jkun li t-tfal ma jkunux omosesswali imma dik l-imġieba stramba tkun ġejja minn xi ħaġa oħra”, enfasizza l-Papa.

Sfida għall-familja

Papa Franġisku qal li fil-fehma tiegħu, normalment, għal familja li jkollha wild omosesswali, din tkun sfida, għax jistgħu jħossuhom skandalizzati minn xi ħaġa li ma jifhmux, li mhux tas-soltu. “Mhux qed niġġudika imma qed nanalizza fenomenu”, enfasizza.

Huwa għamel dawn il-kummenti wara li l-ġurnalista fakkru f’kummenti li kien għamel is-Sajf li għadda meta kien qal li ġenituri li jaraw imġieba omosesswali f’uliedhom għandhom jeħduhom għand psikjatra.

Papa Franġisku wieġeb li dakinhar kien qed jispjega li qatt ma għandek tkeċċi mid-dar persuna għax omosesswali.  “Imma kont għamilt distinzjoni ċara li qed nitkellem fuq persuna ta’ età żgħira u tibda turi sintomi strambi. F’dak il-każ tajjeb li tmur għand professjonist, kont semmejt psikjatra. F’mument bħal dak tgħid l-ewwel kelma li tiġi f’moħħok anke għax tkun qed titkellem b’lingwa li m’hix tiegħek”, ippreċiża l-Papa.

L-omosesswali għandu dritt għal familja

Il-Papa lmenta li dakinhar, il-media kienet għażlet il-kliem “il-Papa jibgħat lill-omosesswali għand psikjatra” u ma qalux x’qal aktar u ħarġu din il-frażi barra mill-kuntest li ntqalet. Din hi ntenzjoni ħażina.

Matul din l-intervista li saret fuq l-ajruplan, il-ġurnalista Spanjol beda jaqleb fl-użu tal-kelma “omosesswali” mal-kelma “gay”.  Iżda l-Papa dejjem uża l-kelma “omosesswali” fil-kummenti tiegħu.

Papa Franġisku sostna li “meta jkun determinat li persuna hi omosesswali, raġel jew mara, “għandu dritt għal familja u l-omm u l-missier għandhom dritt li jkollhom tifel jew tifla huma kif inhuma u ebda tifel jew tifla ma jistgħu jitkeċċew mid-dar”.