Il-Papa jgħid li pandemija tista’ tkun “lok għal konverżjoni”

Read in English.

Il-Papa Franġisku — f’intervista esklussiva minn Austen Ivereigh għal The Tablet — l-ewwel pubblikazzjoni tiegħu fir-Renju Unit — jgħid li dan ir-Randan u Żmien l-Għid straordinarji jistgħu jkunu mumenti ta’ kreattività u konverżjoni għall-Knisja, għad-dinja, u għall-kreazzjoni kollha.  Din hija verżjoni mqassra tat-test sħiħ, kif preżentata minn The Tablet u Catholic Voices.

Lejn l-aħħar ta’ Marzu, issuġġerejt lill-Papa Franġisku li dan jista’ jkun mument tajjeb biex jindirizza lid-dinja Anglofona: il-pandemija li tant kienet affettwat l-Italja u Spanja issa kienet riesqa fuq ir-Renju Unit, l-Istati Uniti u l-Awstralja. Mingħajr ma wiegħed xejn, talabni nibgħat xi mistoqsijiet. Jiena għażilt sitt temi, kull waħda b’serje ta’ mistoqsijiet li seta’ jagħżel li jwieġeb jew le skont kif iħoss xieraq. Ġimgħa wara, irċevejt komunikazzjoni li kien irreġistra xi riflessjonijiet bi tweġiba għall-mistoqsijiet. L-intervista saret bl-Ispanjol; It-traduzzjoni hija tiegħi.

L-ewwel mistoqsija kienet dwar kif kien qed jesperjenza l-pandemija u l-lock-down, kemm fir-residenza Santa Marta kif ukoll l-amministrazzjoni tal-Vatikan (“il-Kurja”) b’mod usa’, kemm prattikament u kemm b’mod spiritwali.

Il-Papa Franġisku: Il-Kurja qed tipprova tkompli bil-ħidma tagħha, u tgħix normalment, billi torganizza ruħha f’xiftijiet tant li mhux kulħadd ikun preżenti fl-istess ħin. Ġiet maħsuba sew. Qed nirrispettaw il-miżuri ordnati mill-awtoritajiet tas-saħħa. Hawnhekk fir-residenza ta’ Santa Marta issa għandna żewġ xiftijiet għall-ikliet, li jgħin ħafna biex itaffi l-impatt. Kulħadd jaħdem fl-uffiċċju tiegħu jew mill-kamra tiegħu, bl-użu tat-teknoloġija. Kull persuna qed taħdem; hawnhekk m’hawnx min qed jitlajja.

Kif qed ngħix dan il-mument spiritwalment? Qed nitlob iktar, għaliex hekk inħoss li għandi nagħmel. Meta naħseb fin-nies inħossni kkonsagrat, jagħmilli tajjeb, ma nibqax moħħi fija nnifsi. Ovvjament għandi l-oqsma tiegħi ta’ egoiżmu. Nhar ta’ Tlieta jiġi l-konfessur tiegħi, u nieħu ħsieb ta’ l-affarijiet hemm.

Qed naħseb dwar ir-responsabbiltajiet tiegħi issa, u dak li se jiġi wara. X’se jkun is-servizz tiegħi bħala l-Isqof ta’ Ruma, bħala kap tal-Knisja, wara dan? Dawk il-konsegwenzi traġiċi u diffiċli qed jibdew jiġu żvelati, u huwa għalhekk li rridu naħsbu dwarhom issa. Id-Dikasteru tal-Vatikan għall-Promozzjoni ta’ l-Iżvilupp Uman Integrali qed jaħdem fuq dan, u qed jiltaqa’ miegħi.

It-tħassib ewlieni tiegħi — għall-inqas dak li ġej mit-talb tiegħi — huwa kif għandi nakkumpanja u nkun eqreb il-poplu ta’ Alla. Għalhekk, l-istreamjar ‘live’ tal-quddiesa tas-7 a.m. (jien niċċelebraha kull filgħodu) li ħafna nies isegwu u japprezzaw, kif ukoll l-indirizzi li tajt, u l-avveniment tal-27 ta’ Marzu fi Pjazza San Pietru. Għalhekk, ukoll, iż-żieda fl-attivitajiet ta’ l-uffiċċju tal-karità tal-Papa, li jieħu ħsieb il-morda u dawk bil-ġuħ.

Qed ngħix dan iż-żmien bħala waqt ta’ inċertezza kbira. Wasal iż-żmien għall-invenzjoni, għall-kreattività.

L-awtur jgħin waqt il-Quddiesa

Fit-tieni mistoqsija tiegħi, irreferejt għar-rumanz tas-seklu dsatax tant għal qalb il-Papa Franġisku, li huwa semma dan l-aħħar: I Promessi Sposi ta’ Alessandro Manzoni. Ir-rumanz idur mal-pesta ta’ Milan tal-1630. Hemm diversi karattri li huma saċerdoti: il-kurat beżżiegħ Don Abbondio, l-isqof cardinal qaddis Borromeo, u l-patrijiet Kapuċċini li jservu fil-Lazzarett, tip ta’ sptar fejn dawk infettati huma sseparati  b’mod riġoruż minn dawk f’saħħithom. Fid-dawl tar-rumanz, il-Papa Franġisku kif kien jara l-missjoni tal-Knisja fil-kuntest ta’ Covid-19?

Il-Papa Franġisku: Il-Kardinal Federigo [Borromeo] verament huwa eroj tal-pesta ta’ Milan. Madankollu, f’wieħed mill-kapitoli, huwa jmur biex jagħti merħba lil villaġġ iżda bil-tieqa tal-karozzella tiegħu magħluqa biex jipproteġi lilu nnifsu. Dan ma niżilx tajjeb man-nies. Il-poplu ta’ Alla għandu bżonn ragħaj miegħu biex ikun viċin tiegħu, li ma jipproteġix lilu nnifsu żżejjed. Il-poplu ta’ Alla jeħtieġ li r-rgħajja tagħhom li jkunu lesti jissagrifikaw lilhom infushom, bħall-Kapuċċini, li baqgħu qrib.

Il-kreattività tan-Nisrani teħtieġ li tintwera fil-ftuħ ta’ orizzonti ġodda, il-ftuħ ta’ twieqi, il-ftuħ ta’ traxxendenza lejn Alla u lejn in-nies, u l-ħolqien ta’ modi ġodda ta’ kif wieħed ikun id-dar. Mhuwiex faċli li tkun imsakkar f’darek. Dak li jiġi f’moħħi huwa vers mill-Enejde f’nofs it-telfa: il-parir mhuwiex li taqta’ qalbek, iżda biex issalva lilek innifsek għal żminijiet aħjar, għax f’dawk iż-żminijiet meta niftakru minn xiex għaddejna, dak se jgħinna. Ħudu ħsieb tagħkom infuskom għal futur li se jiġi. U f’dak il-ġejjieni, li tiftakar f’dak li ġara jagħmillek tajjeb.

Ħu ħsieb tal-preżent, f’ġieħ il-ġejjieni. Dejjem b’mod kreattiv, bi kreattività sempliċi, li kapaċi tivvinta xi ħaġa ġdida kuljum. F’darna mhux diffiċli tiskopri dan il-kreattività, iżda taħrabx, tintilifx f’eskepjiżmu, li f’dan iż-żmien m’għandekx bżonnu.

It-tielet mistoqsija tiegħi kienet dwar il-politiki tal-gvernijiet b’reazzjoni għall-kriżi. Filwaqt li l-kwarantina tal-popolazzjoni hija sinjal li xi gvernijiet huma lesti jissagrifikaw il-benesseri ekonomiku b’risq persuni vulnerabbli, issuġġerejtlu li dan kien ukoll qed jesponi livelli ta’ esklużjoni li qabel kienu kkonsidrati bħala normali u aċċettabbli.

Il-Papa Franġisku: Huwa minnu li għadd ta’ gvernijiet ħadu miżuri eżemplari biex jiddefendu l-popolazzjoni abbażi ta’ prijoritajiet ċari. Iżda qed nirrealizzaw li l-ħsieb tagħna, irridu jew ma rridux, idur madwar l-ekonomija. Fid-dinja tal-finanzi kienet ħaġa normali li tissagrifika l-poplu, biex tipprattika politika tal-kultura tal-iskart, mill-bidu sal-aħħar tal-ħajja. Qed naħseb, pereżempju, dwar is-selezzjoni ta’ qabel it-twelid. Dawn il-ġranet tassew mhux tas-soltu biex niltaqgħu ma’ nies  bis-sindromu ta’ Down fit-triq. Meta dawn jiġu skoperti waqt it-tqala, jintremew. Din hija kultura tal-ewtanasja, legali jew moħbija, li fiha l-anzjani jingħataw medikazzjoni iżda biss sa ċertu punt.

Tiġini f’moħħi l-enċiklika tal-Papa Pawlu VI Humanae Vitae. Il-kontroversja kbira f’dak iż-żmien kienet fuq il-pillola [kontraċettiva], iżda li ma rrealizzawx in-nies kienet il-forza profetika tal-enċiklika, li pprevediet in-neo-Maltusjaniżmu li kien għadu kemm beda madwar id-dinja. Pawlu VI qajjem l-allarm fuq dik il-mewġa ta’ Neo-Maltusjaniżmu. Narawh fil-mod kif jintgħażlu n-nies skont l-utilità jew il-produttività tagħhom: il-kultura tal-iskart.

Bħalissa, min hu bla dar għadu bla dar. Deher ritratt ftit ilu ta’ parkeġġ f’Las Vegas fejn daħħlu l-kwarantina. U l-lukandi kienu vojta. Iżda n-nies bla dar ma jistgħux imorru f’lukanda. Dik hija l-kultura tal-iskart fil-prattika.

Kont kurjuż biex inkun naf jekk il-Papa rax il-kriżi u d-devastazzjoni ekonomika li se tħalli warajh bħala opportunità għal konverżjoni ekoloġika, għal bidla fil-prijoritajiet u stili ta’ ħajja. Staqsejtu b’mod konkret jekk kienx possibbli li fil-ġejjieni naraw ekonomija li — biex nuża l-kliem tiegħu — kienet aktar “umana” u inqas “likwida”.

Il-Papa Franġisku: Hemm espressjoni bl-Ispanjol: “Alla dejjem jaħfer, aħna naħfru xi drabi, iżda n-natura ma taħfer qatt.” Ma nweġbux għall-katastrofi parzjali. Min issa jitkellem dwar in-nirien fl-Awstralja, jew jiftakar li 18-il xahar ilu bastiment seta’ jaqsam il-Pol tat-Tramuntana għax li l-glaċieri kienu nħallu kollha? Min jitkellem issa dwar l-għargħar? Ma nafx jekk dawn humiex il-vendetta tan-natura, iżda ċertament dawn huma t-tweġibiet tan-natura.

Għandna memorja selettiva. Nixtieq nieqaf ftit fuq dan il-punt. Stagħġibt fis-sebgħin anniversarju tal-kommemorazzjoni tal-iżbarki fin-Normandija, li attendew għaliha persuni fl-ogħla livelli tal-kultura u l-politika. Kienet ċelebrazzjoni kbira. Huwa minnu li dan l-anniversarju kien il-bidu ta’ tmiem id-dittatorjat, iżda ħadd ma deher li qed jfakkar fl-10,000 ġuvni li baqgħu fuq din il-bajja.

Meta mort Redipuglia għal għeluq il-mitt sena tal-Ewwel Gwerra Dinjija rajt monument sabiħ u ismijiet imnaqqxa fuq ġebla, iżda daqshekk. Bkejt, jien u niftakar fil-frażi ta’ Benedittu XV “massakru bla sens”, u l-istess ġrali f’Anzio f’Jum l-Erwieħ kollha, jien u naħseb f’dawk is-suldati kollha Nord Amerikani midfuna hemmhekk, li kull wieħed minnhom kellu familja, u kif kull wieħed minnhom seta’ kien jien.

F’dan iż-żmien meta fl-Ewropa qed nibdew nisimgħu diskorsi populisti u qed naraw deċiżjonijiet politiċi ta’ dan it-tip selettiv, trid jew ma tridx tiftakar fid-diskorsi ta’ Hitler tal-1933, li ma kinux tant differenti minn uħud mid-diskorsi ta’ xi politiċi Ewropej ta’ issa.

Jiġini f’rasi vers ieħor ta’ Virġilju: “forsi għad jasal il-jum meta jkun tajjeb li wieħed jiftakar f’dawn l-affarijiet ukoll”. Irridu nirkupraw il-memorja tagħna għaliex se tkun il-memorja li se tgħinna. Din m’hijiex l-ewwel pandemija tal-umanità; L-oħrajn saru sempliċement aneddoti. Jeħtieġ li niftakru fl-għeruq tagħna, it-tradizzjoni tagħna miżgħuda b’memorji. Fl-Eżerċizzji ta’ Sant Injazju, l-Ewwel Ġimgħa, kif ukoll il-“Kontemplazzjoni kif tikseb l-Imħabba” fir-Raba’ Ġimgħa, huma kompletament meħuda bl-att tal-memorja. Din hija konverżjoni li sseħħ permezz tal-att al-memorja.

Din il-kriżi qed taffettwa lilna lkoll, sinjuri u foqra, u qed tixħet dawl fuq l-ipokrisija. Ninsab imħasseb bl-ipokrisija ta’ ċerti personalitajiet politiċi li jitkellmu dwar il-bżonn li naffaċċjaw din il-kriżi, tal-problema tal-ġuħ fid-dinja, iżda li sadanittant jimmanifatturaw l-armi. Dan huwa żmien ta’ konverżjoni minn din it-tip ta’ ipokrisija funzjonali. Dan huwa żmien ta’ integrità. Jew aħna koerenti fit-twemmin tagħna jew nitilfu kollox.

Qed issaqsini dwar il-konverżjoni. Kull kriżi fiha kemm il-periklu kif ukoll l-opportunità: l-opportunità li noħorġu mill-periklu. Illum nemmen li għandna nnaqqsu r-rata ta’ produzzjoni u konsum tagħna (Laudato Si’, 191) u biex nitgħallmu nifhmu u nikkontemplaw id-dinja naturali. Jeħtieġ li jkollna rabta mill-ġdid mal-ambjent reali tagħna. Din hija l-opportunità għal konverżjoni.

Iva, jien nara sinjali bikrija ta’ ekonomija li hija inqas likwida, aktar umana. Iżda ejja ma nitilfux il-memorja tagħna ladarba dan kollu jkun fl-imgħoddi, ejja ma npoġġuhiex fil-ġenb u mmorru lura fejn konna. Dan huwa ż-żmien biex jittieħed il-pass deċiżiv, biex nimxu mill-użu u l-użu ħażin tan-natura, għall-kontemplazzjoni tagħha. Tlifna d-dimensjoni kontemplattiva; Irridu nerġgħu nakkwistawha f’dan iż-żmien.

Waqt li kien qed nitkellem dwar il-kontemplazzjoni, nixtieq nisħaq fuq punt wieħed. Dan huwa l-mument fejn tassew nagħrfu lill-foqra. Ġesù jgħid li se jkollna l-foqra magħna dejjem, u dan huwa minnu. Dawn huma realtà li ma nistgħux ninnegaw. Iżda l-foqra huma moħbija għaliex il-faqar huwa mistħi. Dan l-aħħar f’Ruma, f’nofs il-kwarantina, wieħed pulizija qal lil raġel: “Ma tistax toqgħod fit-triq, trid tmur id-dar.” It-tweġiba kienet: “M’għandix dar. jien ngħix fit-triq.” Li niskopru numru tant kbir ta’ nies li jgħixu fil-marġini tas-soċjetà… U ma narawhomx, għaliex il-faqar huwa mistħi. Dawn qegħdin hemm iżda ma nagħrfuhomx: Saru parti mill-pajsaġġ; saru oġġetti.

Santa Tereża ta’ Kalkutta għarfithom, u kellha l-kuraġġ timbarka fuq vjaġġ ta’ konverżjoni. Li “naraw” il-fqar ifisser li nirrestawraw l-umanità tagħhom. Mhumiex oġġetti, mhumiex żibel; huma bnedmin. Ma nistgħux nikkuntentaw irwieħna b’politika soċjali bħalma għandna għall-annimali li jiġu salvati. Ħafna drabi nittrattaw il-fqar bħal dawn l-annimali. Ma nistgħux nikkuntentaw irwieħna b’politika soċjali parzjali.

Se nazzarda noffri parir. Wasal iż-żmien li mmorru taħt l-art. Qed naħseb dwar in-novella qasira ta’ Dostoyvsky, ‘Noti minn Taħt l-Art’. L-impjegati ta’ dak l-isptar tal-ħabs tant kienu xrafu li kienu jittrattaw lill-imsejknin priġunieri bħala oġġetti. U meta jara l-mod kif ittrattaw wieħed li kien għadu kemm miet, dak li kien fuq is-sodda ħdejh jgħidilhom: “Biżżejjed! Hu wkoll kellu omm!” Għandna ngħidu lilna nfusna dan ta’ spiss: dak l-imsejken kellu omm li rabbietu b’għożża. Aktar tard f’ħajjithom, ma nafux x’ġara. Iżda ta’ min niftakru fl-imħabba li darba rċieva permezz tat-tama ta’ ommu.

Aħna nneżżgħu lill-foqra minn kull poter. Ma nagħtuhomx id-dritt li joħolmu b’ommijiethom. Ma jkunux jafu x’inhi l-imħabba; ħafna jgħixu fuq id-drogi. U meta narawhom nistgħu nerġgħu niskopru l-miżerikordja, il-pietas, li tipponta lejn Alla u lejn il-ġar tagħna.

Inżel taħt l-art, u għaddi minn dinja iper-virtwali u bla ġisem, għall-ġisem magħdur bit-tbatija tal-fqir. Din hija l-konverżjoni li rridu ngħaddu minnha. U jekk ma nibdewx minn hawn, mhux se jkun hemm konverżjoni.

Qed naħseb f’dan il-ħin fil-qaddisin li jgħixu maġenbna. Huma eroj: it-tobba, il-voluntiera, is-sorijiet, il-qassisin, il-ħaddiema tal-ħwienet — kollha jaqdu dmirijiethom sabiex is-soċjetà tkun tista’ tkompli taħdem. Kemm mietu tobba u infermiera! Kemm mietu sorijiet! Kollha waqt li qed jaqdu…, niftakar xi ħaġa li qal il-ħajjât, fil-fehma tiegħi wieħed mill-karattri bl-ikbar integrità fil-Promessi Sposi. Dan qal: “Il-Mulej ma jħallix l-mirakli nofs leħja.” Jekk nintebħu bil-miraklu tal-qaddisin li jgħixu maġenbna, jekk nistgħu nimxu fuq il-passi tagħhom, il-miraklu se jintemm sew, għall-ġid ta’ kulħadd. Alla ma tħallix l-affarijiet f’nofs triq. Dak aħna nagħmluh.

Dak li qed ngħixu llum huwa l-ispazju ta’ Metanoja (konverżjoni), u għandna l-opportunità li nibdew. Mela ejja ma nħalluhiex tiżżerżaq minn idejna, u ejja nimxu ‘l quddiem.

Il-ħames mistoqsija tiegħi kienet tiffoka fuq l-effetti tal-kriżi fuq il-Knisja, u l-ħtieġa li naħsbu mill-ġdid dwar il-ħidma tagħna. Jara li joħroġ minn dan Knisja li hija aktar missjunarja, aktar kreattiva, anqas marbuta mal-istituzzjonijiet? Qed naraw tip ġdid ta’ “knisja domestika”?

Il-Papa Franġisku: Inqas marbuta mal-istituzzjonijiet? Iktar ngħid li inqas marbuta ma’ ċerti modi ta’ ħsieb. Għax il-Knisja hija istituzzjoni. It-tentazzjoni hija li ssir ħolma ta’ knisja deistituzzjonalizzata, knisja gnostika mingħajr istituzzjonijiet, jew waħda li hija soġġetta għal istituzzjonijiet fissi, li tkun Knisja Pelaġjana. Huwa l-Ispirtu s-Santu li jagħmel il-Knisja, li la hu gnostiku u l-anqas Pelaġjan. Huwa l-iSpirtu s-Santu li jistituzzjonalizza, b’mod alternattiv u kumplimentari, il-Knisja, minħabba li l-Ispirtu s-Santu jipprovoka d-diżordni permezz tal-kariżmi, iżda mbagħad minn din id-diżordni joħloq l-armonija.

Knisja li hija ħielsa m’hijiex knisja anarkika, għaliex il-libertà hija rigal ta’ Alla. Knisja istituzzjonali tfisser Knisja li hija istituzzjonalizzata mill-iSpirtu s-Santu.

Tensjoni bejn id-diżordni u l-armonija: Din hija l-Knisja li trid toħroġ mill-kriżi. Irridu nitgħallmu ngħixu fi Knisja li teżisti fit-tensjoni bejn l-armonija u d-diżordni pprovokat mill-Ispirtu s-Santu. Jekk tistaqsini liema ktieb tat-teoloġija jista’ jgħinek tifhem aħjar dan, dan ikun l-Atti tal-Appostli. Hemmhekk se tara kif l-Ispirtu s-Santu jiddeistituzzjonalizza dak li m’għadux ta’ siwi, u jistituzzjonalizza l-ġejjieni tal-Knisja. Din hija l-Knisja li għandha bżonn toħroġ mill-kriżi.

Xi ġimgħa ilu ċempilli isqof Taljan, kemxejn imħawwad. Kien qed idur mal-isptarijiet biex jagħti l-assoluzjoni lil dawk fis-swali mill-intrata tal-isptar. Iżda kien tkellem ma’ xi avukati kanoniċì li kienu qalulu li ma setax, għax l-assoluzzjoni setgħet tingħata biss f’kuntatt dirett. “X’taħseb, Papa?” kien talabni. Għedtlu “Isqof, wettaq id-dmir saċerdotali.” u l-Isqof qalli: ”Grazzi, fhimtek”. Iktar tard, skoprejt li kien qiegħed jagħti l-assoluzzjoni kullimkien.

Din hija l-libertà tal-Ispirtu f’nofs kriżi, u mhux il-Knisja magħluqa fl-istituzzjonijiet. Dan ma jfissirx li l-liġi kanonika mhijiex importanti: hi importanti, u tgħin, u ejja nagħmlu użu tajjeb minnha, għax tagħmel il-ġid. Iżda l-aħħar klawżola tgħid li l-liġi kanonika kollha qiegħda hemm biex issalva l-erwieħ. Dak hu li jiftaħ il-bieb meta nkunu f’diffikultà biex inwasslu l-konsolazzjoni ta’ Alla.

Qed tistaqsini dwar “Knisja domestika”. Irridu nirrispondu għall-għeluq fi djarna bil-kreattività kollha tagħna. Nistgħu jew naqgħu f’depressjoni jew naljenaw irwieħna — permezz tal-mezzi tax-xandir li jistgħu jeħdulna lil hinn mir-realtà tagħna — jew nistgħu insiru l-kreattivi. Fid-dar għandna bżonn ta’ kreattività appostolika, kreattività mingħajr tant affarijiet inutli, iżda b’xenqa li nesprimu l-fiduċja tagħna fis-sens ta’ komunità, bħala poplu ta’ Alla. Għalhekk: Li noqogħdu msakkrin ġewwa, imma b’xewqa qawwija, bil-memorja li tixxennaq u tiġġenera t-tama — dan huwa li se jgħinna naħarbu mill-iżolament li ninsabu fih issa.

Fl-aħħar nett, saqsejt lill-Papa Franġisku kif qegħdin nissejħu biex ngħixu dan il-Randan u żmien l-Għid straordinarji. Staqsejt jekk kellux messaġġ partikolari għall-anzjani li kienu qed jiżolaw lilhom infushom, għal żgħażagħ imsakkrin ġewwa, u għal dawk li qed jiffaċċjaw il-faqar bħala riżultat tal-kriżi.

Il-Papa Franġisku: Inti titkellem dwar l-anzjani iżolati: is-solitudni u d-distanza. Kemm hemm anzjani li t-tfal tagħhom ma jmorrux iżuruhom fi żminijiet normali! Fi Buenos Aires, niftakar meta kont inżur id-djar tal-anzjani u kont nistaqsihom: u kif inhi l-familja tiegħek? Tajjeb, tajjeb! Jiġu? Iva, dejjem! Imbagħad l-infermiera kienet toħodni fil-ġenb u tgħidli li t-tfal kienu ilhom ma jarawhom sitt xhur. Solitudni u abbandun … distanza.

Madankollu, l-anzjani jibqgħu l-għeruq tagħna. U jridu jitkellmu maż-żgħażagħ. Din it-tensjoni bejn iż-żgħażagħ u l-anzjani għandha dejjem tissolva fl-inkontru ta’ bejniethom. Għax iż-żgħażagħ huwa nwar u weraq torja, imma mingħajr għeruq ma jistgħux jagħtu l-frott. L-anzjani huma l-għeruq. Kieku llum ngħidilhom: naf li tħossu li l-mewt hija qrib, u qed tibżgħu, iżda dawru ħarsitkom, ftakru f’uliedkom, u tiqfux toħolmu. Dan huwa dak li qed jitlobkom Alla: li toħolmu (Joel 3: 1).

Xi ngħid kieku liż-żgħażagħ? Għandu jkollkom il-kuraġġ li tħarsu ‘l quddiem, u li tkunu profetiċi. Jalla l-ħolma tal-anzjani jaqbel mal-profeziji tagħkom — Joel 3:1 ukoll.

Dawk li ftaqqru mill-kriżi huma l-imċaħħda ta’ dan iż-żmien, li huma miżjuda mal-għadd ta’ persuni mċaħħda ta’ kull żmien, irġiel u nisa li l-istat tagħhom huwa mċaħħdin”. Tilfu kollox, jew ser jitilfu kollox. Xi tfisser din it-telfa għalija, fid-dawl tal-Vanġelu? Tfisser li tidħol fid-dinja ta’ min hu fil-bżonn, li tifhem li min kellu, issa m’għandu xejn. Dak li nitlob min-nies huwa li jindukraw lix-xjuħ u ż-żgħażagħ, li jindukraw l-istorja, li jindukraw lil min m’għandu xejn. 

Niftakar f’vers ieħor ta’ Virġilju, fl-aħħar tat-Tieni Ktieb tal-Enejde, meta Enea, wara t-telfa ta’Troy, tilef kollox. Quddiemu kellu żewġ mogħdijiet: li jibqa’ hemm jitbekka u jtemm ħajtu, jew li segwi dak li kellu f’qalbu, li jmur sal-muntanja u jħalli l-gwerra warajh. Vers mill-isbaħ. “Ċedejt lid-destin u, b’missieri fuq spallejja, tlaqt lejn il-muntanja”.

Dan huwa dak li għandna nagħmlu issa, illum: li nieħdu magħna l-għeruq tat-tradizzjonijiet tagħna, u nitilqu lejn il-muntanja.