“Il-Papa jgħid li l-Qdusija tal-Politiku tiġi bil-ġid li jagħmel bla interessi personali”

L-Arċisqof Charles Scicluna għamel referenza għall-kliem tal-Papa fid-dokument tal-Eżortazzjoni Appostolika li ħareġ ilbieraħ fejn sostna li t-triq tal-Qdusija tal-Politiku tiġi jekk jaħdem għall-ġid komuni mingħajr ma jfittex l-interessi personali tiegħu.
Dan qalu waqt il-programm Follow Up fuq RTK 103FM, fejn kien qed jiġi diskuss id-dokument tal-Papa li jiffoka b’mod speċjali fuq kif kulħadd jista’ jikseb il-Qdusija, anke jekk forsi fil-ħajja għandu ċerti vizzji jew difetti.
L-Arċisqof spjega kif il-Papa jsemmi wkoll il-ħtieġa tad-dixxerniment, li tfisser li wieħed jgħaraf x’inhi r-rieda t’Alla għalih, x’inhi t-triq li Alla ħejja għalih f’din id-dinja.
Sostna li meta wieħed jaħseb dwar il-Qdusija, din ma tiġix mill-bravura ta’ persuna, iżda tiġi riżultat tal-ħniena t’Alla.
Mons. Scicluna fakkar f’żewġ talbiet li sostna li jagħtu kuraġġ lill-bnedmin fil-ħajja, li huma t-talba “Sinjur Alla jien għandi bżonnok” u t-talba ta’ San Ġorġ Preca "Grazzi Sinjur Alla u aħfirli Sinjur Alla”.
“Irridu nkunu wkoll sapport għall-ommijiet” – Arċisqof
Fid-diskussjoni l-Arċisqof għamel referenza għal dak li qal il-Papa fil-konfront tal-protezzjoni tat-tarbija fil-ġuf, fejn sostna li hemm bżonn li filwaqt li l-ħajja fil-ġuf tkun irrispettata, is-soċjetà tagħti s-sapport kollu neċessarju lill-ommijiet ta’ kull razza u età sabiex jgħinuhom jilqgħu d-don ta’ ħajja ġdida.
“Minflok nippuntaw subgħajna, nagħtu s-sapport kollu li nistgħu u nerfgħu r-responsabilità flimkien bħala soċjeta,” spjega l-Arċisqof.