Ara x’sorpriżi jġib miegħu l-Milied skont il-Papa Franġisku

Il-Papa jitkellem dwar is-sorpriżi tal-Milied

Fl-udjenza ġenerali ta’ nhar l-Erbgħa, il-Papa Franġisku fakkar fis-sorpriżi li jkollna fl-istaġun tal-Milied imma qal li l-ewwel sorpriża kienet l-Ewwel Milied li ġie sekli ilu. Hu staqsa kieku qiegħed magħna llum, Alla xi jkun irid għall-Milied.

“Jekk inħarsu lejn l-ewwel Milied fl-istorja naraw x’kien iħobb il-Mulej. Dak kien Milied mimli sorpriżi.”

Papa Franġisku spjega li fil-fatt is-sorpriżi bdew qabel il-Milied, bl-Anġlu jidher lil Marija biex jinfurmaha li kienet se tkun Omm Verġni. Għal Ġużeppi din kienet sorpriża li l-għarusa tiegħu kien se jkollha tarbija li mhix tiegħu – u mbagħad il-ħolma sorpriża li assiguratu li kollox kien sew.

Il-Milied ġab miegħu tibdil fil-ħajja li ma kienx mistenni u jekk irridu ngħixu l-Milied irridu niftħu qalbna u nkunu lesti għas-sorpriżi, għal bidla mhux mistennija f’ħajjitna.

Il-Papa żied jgħid li “l-akbar sorpriża tiġi lejlet il-Milied: Alla l-għoli jsir tarbija. Il-Kelma Divina hi tarbija… Min kien jistennieh dan? Fil-Milied niċċelebraw lil Alla bla preċedent, li jibdel il-loġika u l-aspettativa tagħna.”

Hu inkoraġixxa lill-Insara biex ikunu miftuħa għas-sorpriżi. “Għinu lil dawk fil-bżonn. Kunu lesti li tqumu, kif għamel Ġużeppi, u agħmlu r-rieda t’Alla.”

“Li niċċelebraw il-Milied ifisser li nagħmlu kif għamel Ġesù, hu ġie għalina – nies fil-bżonn u aħna għandna ninżlu għal dawk li għandhom bżonnha. Nagħmlu kif għamlet Marija: nafdaw lilna nfusna f’Alla, anke jekk ma nifhmux x’se jagħmel.”

“Li niċċelebraw il-Milied ifisser li nagħmlu kif għamel Ġużeppi: li nqumu u nagħmlu dak li jrid Alla anke jekk mhux kif fassalna aħna. San Ġużepp jissorprendi: fil-Vanġelu qatt ma jitkellem: m’hemmx kelma waħda biss li qal Ġużeppi fl-Evanġelju, u Alla jkellmu fis-silenzju. Ikellmu waqt li jkun rieqed.”

“Il-Milied ifisser li nippreferu l-vuċi silenzjuża t’Alla flok l-istorbju tal-konsumeriżmu. Jekk kapaċi nibqgħu siekta quddiem il-grotta, il-Milied ikun sorpriża għalina wkoll u mhux xi ħaġa li diġà rajna bħalha. Li nibqgħu siekta quddiem il-presepju: din hi l-istedina għall-Milied. Ħallu ftit ħin, morru quddiem il-presepju u oqogħdu fis-skiet. U mbagħad tħossu u taraw is-sorpriża,” temm jgħid il-Papa Franġisku.