Il-Papa jgħid li hemm bżonn azzjoni deċiżiva dwar it-tibdil fil-klima

Il-Papa jkellem kapijiet ta' kumpanniji multi-nazzjonali dwar l-urġenza ta' azzjoni dwar it-Tibdil fil-Klima

F’laqgħa li kellu ma’ parteċipanti li qed jattendu konferenza mis-sensiela Djalogi tal-Vatikan, li qed tiddiskuti t-tema: “Il-Bidla fl-Enerġija u l-kura tad-Dar Komuni”, il-Papa Franġisku wissa’ li l-kriżi ekoloġika u b’mod partikolari l-bdil fil-kliema qed thedded il-futur tal-familja umana u appella għal transizzjoni radikali fl-użu tal-enerġija.

Fost dawk li attendew għall-Konferenza kien hemm Kapijiet Eżekuttivi ta’ kumpanniji  multi-nazzjonali taż-żejt u l-Papa filwaqt li kellimhom dwar tema għal qalbu ħafna li hi l-Kura tad-Dar Komuni tagħna u qalilhom li d-dinja tinsab f’mument kritiku.

Il-Papa nnota li matul din is-sena seħħ żvilupp sinjifikanti kienet l-istqarrija tal-Intergovernmental Panel on Climate Change li twissi li l-effetti fuq il-klima jistgħu jkunu katastrofiċi jekk il-limitu ta’ 1.5° Ċentigradi, maqbul fil-Ftehim ta’ Pariġi, jinqabeż. Ir-rapport iwissi li fadal biss għaxar snin jew ftit aktar biex tintlaħaq din il-mira.

Meħtieġa azzjoni

Iffaċċjati b’din l-emerġenza, il-Papa Franġisku enfasizza li “irridu nieħdu l-azzjoni li hemm bżonn biex ma nibqgħux nipperpetwaw din l-inġustizzja burtali kontra l-fqar u l-ġenerazjonijiet li ġejjin.  Huma l-fqar li jsofru l-akbar impatt tal-kriżi fil-klima”.

Għalhekk enfasizza li hu meħtieġ li jkollna l-kuraġġ li nirrispondu għal karba ddisprata li kulma jmur qed tikber, tal-foqra u tad-dinja.

Fid-diskors tiegħu, il-Papa ffoka fuq tliet punti li li l-konferenza kienet qed tiddiskuti li huma:  it-trasparenza fir-rappurtaġġ tar-riskji klimatiċi, tranżizzjoni ġusta u l-prezz.

Huwa qal li tranżizzjoni ġusta għal enerġija aktar nadifa li tissemma fil-Ftehim ta’ Pariġi, jekk issir sew tista’ toħloq impjiegi ġodda, tnaqqas l-inugwaljanza u t-tejjeb il-kwalità tal-ħajja ta’ dawk milquta mit-tibdil fil-klima.

Dwar il-prezz, Papa Franġisku qal li dan hu essenzjali jekk l-umanità trid tuża r-riżorsi naturali tal-ħolqien b’mod għaqli u ġust.

Dwar it-trasparenza fir-rappurtaġġ tar-riskji klimatiċi, il-Papa qal li “rappurtaġġ trasparenti, miftuħ, bażat xjentifikament u uniformi, hu fl-interess ta’ kulħadd.

Iż-żmien għaddej

Fi tmiem id-diskors tiegħu l-Papa wissa’ li ż-żmien għaddej. Hemm bżonn jittieħdu d-deċiżjonijiet li jmorru ‘l hinn milli sempliċement nesploraw x’jista’ jsir, imma nikkonċentraw fuq dak li jrid isir.

Hu fakkar lil dawk preżenti li fil-laqgħa tas-sena li għaddiet kien wera tħassib li “ċ-ċiviliżazzjoni tinħtieġ enerġija, iżda l-enerħija ma tistax teqred iċ-ċiviliżazzjoni”. Illum hemm bżonn ta’ tranżizzjoni radikali tal-enerġija biex insalvaw id-Dar Komuni tagħna.

“Il-kriżi fil-klima tinħtieġ azzjoni deċiżiva , ‘hawn u issa’ u l-Knisja hi kommessa li tagħmel il-parti tagħha”. Fuq nota ottimistika Papa Franġisku qal li “għad hemm tama u ħin biex nevitaw l-agħar konsegwenzi tat-tibdil fil-klima, jekk nieħdu azzjoni mmedjata u reżoluta”.