Il-Papa jsellem missjunarja li nqatlet fl-Afrika Ċentrali

Sr.Inez li nqatlet wara ħafna snin tgħin lill-foqra

“Illum nixtieq insellem lil Sister Ines, edukatriċi ta’ 77 sena li għal snin twal għallmet tfal bniet foqra u li nqatlet b’mod barbaru fil-klassi fejn kienet tgħallem il-ħjata u tat ħajjitha lil Ġesù fis-servizz għall-foqra fir-Republika tal-Afrika Ċentrali”.

Dan il-kliem qalu l-Papa Franġisku fl-udjenza ġenerali ta’ l-Erbgħa li għadda, jumejn biss wara l-qtil ta’ din is-soru.

Suor Ines Nieves Sancho, Spanjola ta’ 77 sena membri fil-Kongregazzjoni Daughters of Jesus, inqatlet fis-siegħat bikrin tal-20 ta’ dan ix-xahar fil-villaġġ ta’ Nola fil-Lbiċ tal-Afrika Ċentrali fuq il-fruntiera mal-Cameroon.

Min qatilha daħal bil-forza fil-kamra tagħha, ħadha fil-klassi fejn kienet għallem il-ħjata lit-tfal tal-lokal biex tgħinhom itejjbu ħajjithom, u wara li qatgħulha rasha komplew ibiċċru l-ġisem tagħha.

Il-qtil ta’ Sr. Ines seħħ eżatt l-għada tal-qtil ta’ Fr. Ibil Ikwel ta’ 34 sena li nqatel f’Beira fil-Mozambique fejn għaddejjin investigazzjonijiet dwar dan id-delitt.