Il-Papa jfakkar lill-ġurnalisti li nqatlu minħabba xogħolhom

Pope Francis attends a meeting with the members of Italian Foreign Press Association at Clementine Hall at the Vatican, May 18, 2019. Vatican Media/­Handout via REUTERS

Il-Papa Franġisku fakkar lill-ġurnalisti kollha li nqatlu minħabba xogħolhom u sostna li l-ħelsien tal-midja hija indikatur prinċipali tas-saħħa ta’ pajjiż.

Waqt li kien qed jindirizza lill-Foreign Press Association fl-Italja, hu talab lill-ġurnalisti sabiex jaħdmu kontra l-fake news u jkomplu jirrappurtaw fuq persuni li qed isofru u forsi ma għadhomx jiġbdu daqshekk l-attenzjoni tal-istejjer ġurnalistiċi. Hu semma b’mod partikolari r-Rohingya u Yazidi.

Il-Papa kompla jesprimi l-uġigħ li ħass meta sema’ dwar l-istatistika ta’ kif il-ġurnalisti qed jinqatlu waqt li jkunu qed jagħmlu xogħolhom b’tant kuraġġ u dedikazzjoni f’bosta pajjiżi fejn hemm gwerer u sitwazzjonijiet drammatiċi.

Il-Papa kien għadu kemm sema’ lill-President tal-assoċjazzjoni Patricia Thomas minn Associated Press Television, titkellem dwar il-ġurnalisti maqtula, li jinsabu l-ħabs jew li ndarbu jew inkella ġew mhedda fuq xogħolhom.

Thomas tkellmet dwar Lyra Mckee, li nqatlet permezz ta’ tir waqt li kienet qed tirrapporta fuq rewwixta fl-Irlanda ta’ Fuq.

Semmiet lill-ġurnalista Maltija Daphne Caruana Galizia li mietet f’karozza bomba fl-2017 u l-ġurnalist ta’ Washington Post Jamal Khashoggi, li nqatel mill-konsulat Saudi f’Istanbul is-sena l-oħra.

Il-Papa Franġisku wissa biex ħadd ma jinsa li l-ewwel ħaġa f’dittatorjat hija t-tneħħija tal-ħelsien tal-media jew jaħbuha billi ma jħalluhiex aktar aċċessibbli b’xejn. Hu ma semma l-ebda pajjiż meta kien qed jindirizza mal-400 membru tal-media u l-familji tagħhom.