Il-Papa jfakkar lil ambaxxaturi ġodda fid-dover lejn il-fqar

Il-Papa Franġisku jkellem ambaxxaturi ġodda għall-Vatikan

Fi tmiem il-ġimgħa l-Papa Franġisku rċieva l-kredenzjali ta’ numru ta’ ambaxxaturi ġodda għall-Vatikan u fakkarhom fir-responsabbilta’ kbira tagħhom li flimkien jaħdmu biex jipproteġu lil dawk l-aktar vulnerabbli.

Il-Papa kien qed ikellem lill-ambaxxaturi ġodda mit-Tajlandha, n-Norveġja, New Zealand, Sierra Leone, Guinea, Guinea Bissau, Lussemburgu, l-Mozambique u l-Etijopja.

Skont l-aġenzija tal-aħbarijiet “ZENIT” il-Qdusija Tiegħu beda biex talab lill-ambaxxaturi preżenti quddiemu biex iwasslu s-sentimenti ta’ stima li hu għandu lejn il-mexxejja rispettivi tl-pajjiżi tagħhom u assigurahom mit-talb għalihom u għall-popli li huma jservu.

Kontribuzzjonijiet validi

“F’din l-ewwel attività diplomatika tagħkom fil-Vatikan, nieħu l-okkażjoni biex nirrikonoxxi d-diversi kontribuzzjonijiet validi li l-pajjiżi rispettivi tagħkom jagħmlu għall-ġid komuni tad-dinja u ħalluni nfakkarkom fir-responsabbiltà li għandna lkoll flimkien li nipproteġu lil ħutna l-aktar vulnerabbli”, qalilhom il-Papa.

“Il-bżonn urġenti li nkunu attenti għall-ħtiġijiet ta’ ħutna l-foqra hu dover solenni li nesprimuh b’mod tajjeb meta b’rispett lejn id-diversità, ningħaqdu biex nippromwovu l-iżvilupp integrali uman. Din l-għaqda tagħna għandha isem: fraternità”.

Filwaqt li rrikonoxxa li llum qed niffaċċjaw sfidi globali kbar, il-Papa saħaq li hu mportanti nenfasizzaw l-importanza tal-fraternità “għax jekk naħdmu flimkien biex nassiguraw  koeżistenza ġusta fil-paċi m’hix biss strateġija soċjo-politika imma hi eżempju ta’ solidarjetà li hi aktar minn sempliċi xewqa li naslu għal mira komuni.”

Il-Paċi dejjem possibbli

“Din il-fraternità tidher ukoll fix-xewqa universali għall-ħbiberija bejn l-individwi, komunitajiet u nazzjonijiet”, żied jgħid Papa Franġisku, “iżda dan qatt ma nistgħu neħduh ‘for granted’ għax fost l-akbar theddid għal ħajja armonjuża flimkien hemm il-vjolenza u l-kunflitti armati”.

“Iżda t-tagħlima qarsa tad-diviżjoni u l-mibegħda tgħallimna wkoll li l-paċi hi dejjem possibbli”. Il-Papa qal li rridu nagħrfu li r-riżoluzzjoni tal-kunflitti u r-rikonċiljazzjoni huma sinjali pożittivi ta’ għaqda li hi aktar b’saħħitha mill-firda u l-fraternità li hi aktar b’saħħitha mill-mibegħda.”

Il-Papa Franġisku temm jgħid lill-ambaxxaturi l-ġodda li hekk kif qed jibdew ir-responsabbiltajiet ġodda tagħhom fis-servizz ta’ pajjiżhom, xtaq jassigurahom mill-kooperazzjoni u l-għajnuna tad-diversi uffiċċji tas-Santa Sede u t-talb u l-barka tiegħu.