Il-Papa jfaħħar “Mara kuraġġjuża u għarfa”

Papa Frangisku Madre Alphonse Marie Eppinger
Madre Alphonse Marie Eppinger , kienet Beatifikata nhar il-Ħadd

Il-Papa Franġisku ta ġieħ lill-Madre Alphonse Marie Eppinger, fundatriċi tal-Kongregazzjoni tas-Salvatur li ddeskriviha bħala “mara kuraġġjuża u għarfa”. Hu għamel dan waqt li fil-Kattidral ta’ Notre Dame fi Strasbourg, nhar il-Ħadd li għadda kienet qed issir il-quddiesa tal-Beatifikazzjoni tagħha.

Il-Papa rrefera għal dan l-avveniment waqt l-Angelus fil-Pjazza tal-Vatikan u qal “Ejja nirringrazzjaw ‘l Alla għal din il-mara kuraġġjuża u għarfa li fit-tbatija, fis-sileznju u fit-talb tat xhieda tal-imħabba t’Alla speċjalment mal-morda fil-ġisem u fir-ruħ.” Fl-istess ħin, filwaqt li qal b’leħen għoli “Viva l-Beata l-ġdida” appella lill-pubbliku biex jagħti applaws lil din is-soru.

Il-Venerabbli Serva t’Alla Alphonse Marie Eppinger, twieldet fid-9 ta’ Settembru 1814 f’Alsace, fi Franza, minn familja ta’ bdiewa foqra. Kienet l-akbar fost 11 aħwa u trabbiet fl-isfond tal-familja, il-parroċċa u l-villaġġ fejn kienet tgħix.

Saħħitha kienet dgħajfa u f’żogħżitha għaddiet minn ħafna tbatija minħabba l-mard. Kellha personalità qawwija u sensibilità spirfitwali kbira kif ukoll xewqa li “ssir taf lil Alla, tħobbu u togħġbu.”

Tul ħafna snin ta’ mard. Elisabeth, kif kien jisimha meta kienet xebba, għexet esperjenza spiritwali ntensa. Fl-1846, dawk ta’ madwarha nnutaw li kellha intimità kbira m’Alla. L-Abbati Jean David Reichard, il-Kappillan tal-parroċċa, wkoll innota u baqa’ mistagħġeb bil-qdusija tagħha tant li tkellem dwar dan mal-Isqof tad-djoċesi.

Mons. Andre Raess, li kien Isqof ta’ Strasbourg bejn l-1842 u l-1887 interessa ruħu f’din il-mara u meta f’Lulju 1848 żar ir-raħal ta’ Niederbronn fejn kienet tgħix u mar jaraha, ikkonvinċa ruħu li din il-mara nisranija ferventi kellha d-destin immarkat.

Fl-1848 Elisabeth ħasset is-sejħa biex twaqqaf istitut għan-nisa reliġjużi u bi ftehim mal-Kappillan li daħal b’ruħu u ġismu biex jgħin f’dan il-proġett, kisbu l-approvazzjoni tal-Isqof Raess.  L-ewwel komunità twaqqfet fit-28 ta’ Awwissu 1849 f’Niederbronn b’missjoni li tikkura l-foqra u l-morda fid-djar tagħhom stess u li din l-għajnuna tingħata lil kulħadd irrispettivament mill-klassi soċjali u mir-reliġjon.