Il-Papa jfaħħar lill-fundatur tal-Metodisti

Waqt li kien qed ikellem lill-membri tal-Kunsill Mondjali tal-Metodisti, il-Papa Franġisku faħħar lil John Wesley li kien il-fundatur tal-Metodisti, għax qal li dan ressaq ħafna nies lejn Alla bit-talb u l-qari tal-Bibbja.
Il-Papa faħħar ukoll il-50 sena ta’ djalogu bejn il-Knejjes Kattoliċi u l-Knejjes Metodisti, u qal li ż-żewġ naħat mhumiex stranġieri għal xulxin, imma permezz tal-magħmudija huma membri tal-istess Dar ta’ Alla.
Meta tkellem dwar John Wesley, saċerdot Anglikan li għex fis-seklu 18 u waqqaf il-Moviment Metodista, il-Papa Franġisku qal li dan il-bniedem ikkonverta ħafna nies lejn Alla. “Aħna ma nistgħux ma nifirħux meta l-Ispirtu s-Santu jaħdem permezz ta’ denominazzjonijiet Kristjani oħra għax dan jgħinna nersqu aktar lejn Alla”, qal il-Papa.
Żied jgħid li “ma nistgħux nikbru fil-qdusija bla ma nikbru fl-għaqda u l-komunjoni. Ejja nħejju ruħna bit-tama u sforzi konkreti biex ikollna għarfien sħiħ ta’ xulxin għax dan jgħinha ningħaqdu fit-tqassim tal-ħobż flimien”, appella l-Papa.
Wesley kien saċerdot u teologu Anglikan li flimkien ma’ ħuh Charles u saċerdot ieħor, George Whitefield, waqqfu l-Knisja Metodista.
Hu vvjaġġja ħafna fir-Renju Unit u l-Irlanda u għen fil-formazzjoni ta’ gruppi żgħar ta’ Nsara għat-tagħlim tar-reliġjon. Kien jaħtar evanġelizzaturi biex imorru jduru mal-pajjiż jipprietkaw u jieħdu ħsieb dawn il-gruppi.
Il-Metodisti kienu protagonisti f’diversi kwestjonijiet soċjali ta’ dak iż-żmien, fosthom ir-riforma fil-ħabsijiet u l-qirda tal-iskjavitù fir-Renju Unit.
Wesley kien jargumenta favur il-perfezzjoni tan-Nisrani u kien kontra l-Kalviniżmu, u b’mod partikolari kontra d-duttrina tal-predestinazzjoni.
Kien isostni li f’din id-dinja, l-Insara jistgħu jilħqu stat fejn “l-imħabba t’Alla tirrenja suprema f’qalbhom” u tagħmilhom qaddisin.
L-Evanġelizzazzjoni tiegħu kienet ibbażata fuq it-teoloġija sagramentali, u sostna li l-grazzji kienu l-mod kif Alla jqaddes u jittrasforma lil min jemmen, u kien jinkoraġixxi lin-nies biex jesperjenzaw lil Kristu personalment.