Il-Papa jfaħħar lill-edukaturi Kattoliċi għall-ħidma li jwettqu kuljum

Il-Papa jiltaqa' m' membri tad-Dikasteru għall-Edukazzjoni Nisranija.

 “Nirringrazzjakom għax-xogħol fil-qasam edukattiv li twettqu kuljum b’dedikazzjoni kbira u nitlob fuqkom ir-rigal tal-Ispirtu s-Santu biex jagħtikom is-saħħa fil-ministeru delikat tagħkom ta’edukaturi”.

Dan qalu l-Papa Franġisku meta  meta nhar il-Ħamis li għadda, inawgura sessjoni plenarja tal-Kongregazzjoni għall-Edukazzjoni Kattolika, fil-Vatikan.

Dan id-Dikasteru hu responsabbli għal tliet setturi differenti:  is-Seminarji kollha; id-Djar ta’ Formazzjoni Reliġjuża u l-Istituti Sekulari; u l-Universitajiet, fakultajiet, Istituti ta’ Edukazzjoni Għolja li jiddependu minn persuni ekklesjastiċi anke jekk m’humiex tal-Knisja u l-iskejjel u istituzzjonijiet edukattivi kollha li jiddependu mill-awtoritajiet ekklesjastiċi.

Il-Papa Franġisku rringrazzja l-Kongregazzjoni għall-isforzi tagħha u qal li din il-laqgħa se tagħtihom l-opportunità li “jirrevedu l-ħafna xogħol li sar fit-tliet snin li għaddew u jfasslu l-ħidma futura b’qalb miftuħa u bit-tama”.

Id-dinja tal-edukazzjoni

“Il-kompetenza tad-Dikasteru tagħkom iddaħħalkom fid-dinja affaxxinanti tal-edukazzjoni, li qatt ma hi ripetittiva imma hi arti fl-iżvilupp, il-maturazzjon u allura qatt ma tibqa’ l-istess”, qal il-Papa.

Hu fakkar li l-edukazzjoni hi realtà dinamika b’diversi aspetti, partikolarment l-aspett ekoloġiku u soċjali.  Irrefera għal Jum il-Patt Edukattiv Globali li se jkun ċelebrat fl-14 ta’ Mejju li ġej u spjega għaliex ħass il-ħtieġa li jitkellem dwar dan.

“Dan hu appell għal dawk kollha li għandhom responsabbiltajiet politiċi, amministrattivi, reliġjużi biex jibnu mill-ġdid “il-villaġġ edukattiv”.  L-iskop li nkunu flimkien mhux biex niżviluppaw programmi imma biex nagħmlu pass flimkien biex inġeddu l-impenn għal u mal-ġenerazzjoni żagħżugħa u nħeġġu l-passjoni għal edukazzjoni aktar miftuħa u inklussiva, kapaċi tisma’ bil-paċenzja, bi djalogu kostruttiv u fehim reċiproku.

“Il-Patt Edukattiv ma għandux ikun sempliċi ordni, m’għandux ikun rikostruzzjoni ta’ dak li hu pożittiv fl-edukazzjoni. Dan il-Patt irid ikun rivoluzzjoni”.

Fl-aħħarnett il-Papa rringrazzja lil dawk preżenti u lill-edukaturi Kattoliċi kollha għall-impenn li jpoġġu fil-ħidma tagħhom ta’ kuljum.