Il-Papa jfaħħar il-paċi fil-Mozambique

Il-Papa jindirizza l-awtoritajiet ċivili tal-Mozambique

Papa Franġisku beda l-ewwel diskors uffiċjali tiegħu fiż-żjara li qed jagħmel fil-Mozambique billi ddeskriva dan il-pajjiż bħala wieħed li hu “mbierek bi sbuħija naturali u kultura sinjura”, li għandu xatt li jestendi għal 2,500 kilometru li  hu r-raba’ l-akbar kosta fid-dinja.

Il-Papa esprima s-solidarjetà tiegħu ma’ dawk kollha li ntlaqtu miċ-ċikluni Idai u  Kenneth “li l-effetti devastanti tagħhom għadhom qed jinħassu minn ħafna familji”.

“Jiddispjaċini li mhux se nkun nista’ immur inżurhom personalment, iżda rridkom tkunu tafu li jien qrib tagħkom u nipparteċipaw fit-tbatija u s-sofferenzi tagħkom u nassigurakom mill-impenn tal-Knisja Kattolika li tgħinkom f’din is-sitwazzjoni diffiċli”.

Iċ-ċikluni li laqtu l-Mozambique u apjjiżi oħra fil-qrib, f’Marzu u April li għaddew ħallew mijiet ta’ persuni mejta u eluf oħra bla dar.  L-għargħar u l-marda tal-kolera qed ikomplu jaffettwaw lil aktar minn miljun persuna.

Kliem ta’ paċi u rikonċiljazzjoni

Il-Papa ddedika l-parti l-kbira tad-diskors tiegħu lill-awtoritajiet ċivili u d-diplomatiċi tal-pajjiż għal dak li hu sejjaħ “l-isforzi li saru fl-aħħar snin biex tkun assigurata l-paċi u r-rikonċiljazzjoni bħala l-aħjar mod kif ikunu ffaċjati d-diffikultajiet u l-isfidi li għandu l-pajjiż”.

Hawn il-Papa kien qed jirreferi għall-Ftehim ta’ Paċi li kien iffirmat xahar ilu li jiggarantixxi l-waqfien komplet tal-ostilitajiet militari bejn il-forzi tal-Gvern u dawk tal-partit tal-Oppożizzjoni, ir-Renamo.

L-ewwel ftehim li kien temm 17-il sena ta’ gwerra ċivili li ħalliet aktar minn miljun persuna mejta, kien iffirmat f’Ruma, fl-1992, bil-medjazzjoni tal-Fondazzjoni Sant’Egidio.

“Intom esperjenzajtu t-tbatija, id-dwejjaq, il-madmad” qal il-Papa, “imma ma ħallejtux li r-relazzjonijiet umani jkunu mmexxija mill-vendetta u r-ripressjoni jew li l-mibegħda u l-vjolenza ikollhom l-aħħar kelma”.  Hu qal li t-tfittxija tal-paċi dejjiema hi missjoni li tiddependi fuq kulħadd u titlob għal sforz kbir u kontinwu minn kulħadd.

Kliem ta’ tama

Il-Papa Franġisku faħħar l-avvanzi li saru fl-“oqsma tal-edukazzjoni u l-kura” u nkoraġixxa lill-awtoritajiet “biex jassiguraw li ħadd ma jħossu abbandunat, speċjalment iż-żgħażagħ”. Qal li ż-żgħażagħ mhux biss huma t-tama ta’ dan il-pajjiż, imma wkoll il-preżent.  Fil-fatt 45% tal-poplu tal-Mozambique għandhom anqas minn 15-il sena.

Huwa nkoraġixxa u enfasizza li għandu jkun hemm “Kultura tal-Laqgħa” li tagħraf lill-oħrajn, toħloq rabtiet u tibni l-ponijiet. Il-memorja hi t-triq li tiftaħ il-futur u twassal biex jintlaħqu miri komuni, valuri u ideat li jgħinu biex negħlbu l-interessi partiċċjani u dojoq”.

Il-Papa temm id-diskors tiegħu billi ddeskriva l-Mozambique bħala “pajjiż imbierek”. “U intom responsabbli biex tieħdu ħsieb din il-barka. Il-protezzjoni tal-art hi wkoll il-protezzjoni tal-ħajja”.

“Kultura ta’ paċi titlob żvilupp produttiv, sostenibbli u inklussiv fejn in-nies kollha tal-Mozambique iħossu li dan il-pajjiż hu tagħhom, fejn jistgħu jibnu relazzjonijiet ta’ fraternità u ugwaljanza mal-ġirien u mal-ambjent li jgħixu fih”, temm jgħid Papa Franġisku.