Il-Papa jfaħħar il-fidi Irlandiża; ixejjen akkużi kontrih

Il-Papa Franġisku faħħar il-fidi tal-poplu Irlandiż u xejjen l-akkużi li għamel fil-konfront tiegħu l-Arċisqof Carlo Maria Vigano li sostna li l-Papa għatta l-abbużi sesswali tal-Kardinal Theodore McCarrick. Dan qalu waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret fuq l-ajruplan.

Il-Papa sostna mal-ġurnalisti li l-poplu Irlandiz safa vittma ta’ bosta skandli, iżda jaf jiddistingwi x’inhi l-verità. Dan il-kliem qalulu isqof ftit tas-sigħat qabel. Il-Papa kompla jgħid li l-fidi tal-Irlandiżi tibqa’ b’saħħitha minkejja li għadhom għaddejjin minn perjodu ta’ rikoverar.

“Iġġudikaw intkom”

Il-Konferenza tal-aħbarijiet kienet iddominata mid-dell tal-abbużi sesswali minn persuni tal-Knisja u l-ittra li kiteb l-Arċisqof Vigano ppubblikata fil-midja konservattiva tal-Knisja l-Ħadd filgħodu.

Meta l-ġurnalisti staqsew lill-Papa dwar l-ittra, hu xejjen il-kontenut tagħha u ħeġġeġ lill-ġurnalisti sabiex jagħmlu r-riċerka tagħhom u jaslu għall-konklużjoni professjonali tagħhom huma. Il-Papa rrifjuta li jikkummenta aktar dwar l-ittra u qal li lest li jitkellem wara li l-midja twettaq l-investigazzjonijiet tagħha.

Fl-ittra twila 11-il paġna, Vigano allega li fl-aħħar 20 sena, għadd kbir ta’ uffiċjali preżenti u oħrajn li telqu mill-Knisja Kattolika ħbew numru ta’ allegazzjonijiet dwar McCarrick. Hu talab għar-riżenja tal-Papa u allega li kien informa lill-Papa dwar dawn l-abbużi lura fl-2013.

Aqra aktar dwar il-konferenza tal-aħbarijiet mill-Papa minn hawn.