Il-Papa jestendi l-mandat tad-delegat speċjali tiegħu għall-Ordni tal-Kavallieri ta’ Malta

Wara li sena u tliet xhur ilu ħatar lill-Arċisqof Giovanni Becciu bħala r-rappreżentant personali tiegħu għall-Ordni tal-Kavallieri ta’ Malta, il-Papa Franġisku ġeddidlu dan il-mandat sakemm l-Ordni tlesti r-riformi li qed isiru fi ħdanha.
F’ittra ppubblikata kmieni dan ix-xahar il-Papa rringrazzja lill-Arċisqof Becciu għall-ħidma tiegħu fejn iltaqa’ u sema' membri tal-Ordni u talbu jkompli jkun il-kelliem tiegħu fejn jidħlu r-relazzjonijiet tal-Vatikan mal-Ordni.
Il-Papa Franġisku fl-2011 kien innomina lil Becciu bħala sostitut Segretarju tal-Istat tal-Vatikan u fi Frar tas-sena li għaddiet ħatru delegat personali tiegħu biex jissorvelja r-riforma “spiritwali u morali” tal-Ordni ta’ Malta.
Wara l-ħatra tal-Gran Mastru l-ġdid tal-Ordni, Fra Giacomo della Torre, fit-2 ta’ Mejju li għadda, il-Papa Franġisku kiteb li “billi t-tiġdid spiritwali u ġuridiku tal-Ordni ta’ Malta għadu mhux konkluż qed nitolbok tkompli tkun id-delegat tiegħi sakemm jintemm dan il-proċess ta’ riforma”.
L-Ordni Sovran Militari ta’ Malta hu ordni ta’ lajċi reliġjużi li kien twaqqaf fl-1099 f’Ġerusalemm. Illum hu bbażat f’Ruma u hu preżenti f’120 pajjiż fejn qed imexxi aktar minn 2,000 proġett fl-oqsma medikosoċjali u għandu aktar minn 120,000 bejn voluntiera u staff mediku.