Il-Papa jerġa’ jikkundanna l-vjolenza fis-Sirja

Il-Papa Franġisku reġa’ kkundanna bil-qawwa kollha l-vjolenza inumana fis-Sirja u qed jappoġġja s-sejħa tan-Nazzjonijiet Magħquda biex ikun hemm waqfien mill-ġlied biex ikunu jistgħu jitwasslu ikel u mediċini lis-Sirjani, u biex il-morda u l-feruti jkunu jistgħu jiġu evakwati.
Anke l-Ħadd li għadda, il-Papa flimkien mal-eluf miġbura fi Pjazza San Pietru, talab għal dawn il-vittmi u sejjaħ biex immedjatament jieqfu l-ostilitajiet.
Il-Papa qal li x-xahar ta’ Frar kien l-aktar wieħed vjolenti fis-seba’ snin li ilu għaddej il-kunflitt fis-Sirja.
“Mijiet u eluf ta’ vittmi ċivili, tfal, nisa u anzjani sfaw vittmi ta’ dan il-ġlied fejn intlaqtu wkoll sptarijiet. In-nies mhux qed isibu la ikel u lanqas mediċini. Dan kollu hu inuman”, saħaq il-Papa.
Papa Franġisku insista li: “Ma tistax tiġġieled il-ħażen, bil-ħażen”.
Nhar is-Sibt li għadda, l-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Magħquda approva unanimament riżoluzzjoni li ssejjaħ għal 30 jum ta’ waqfien mill-ġlied fis-Sirja biex titwassal għajnuna umanitarja lil miljuni ta’ Sirjani li nqabdu f’dan il-ġlied u biex ikun evakwati ħalli jingħataw il-kura meħtieġa dawk li huma feruti jew morda serjament.
Sadattant f’omelija li għamel il-Ħadd stess il-Papa Franġisku tkellem dwar il-ħniena t’Alla magħna.
“Tiġġudikawx biex ma tkunux iħġudikati”, insibu fl-Evanġelju. Ħadd minnha mhu se jaħrab mill-ġudizzju ta’ Alla. Ilkoll għad inkunu ġġudikati kemm personalment kif ukoll universalment.  Dan għandu jgħinna biex nirriflettu fuq l-imġiba tagħna lejn l-oħrajn u lejn Alla. Din hi sejħa biex niġġeddu.
Barra li ma niġġudikawx aħna msejħa wkoll biex naħfru lil xulxin. Ikun hawn min jgħid li hu qatt ma ġġudika lil ħaddieħor.  Imma l-Papa Franġisku stedinna biex neżaminaw il-kuxjenza tagħna dwar dan.  Li niġġudikaw lill-oħrajn hu ħażin għax Alla biss jista’ jiġġudikana.
L-istedina għalina hi li nuru ħniena mal-oħrajn kif il-Mulej hu ħanin magħna. “Nafu li l-ġustizzja t’Alla hi l-ħniena” Biex nirċievu l-ħniena t'Alla rridu nkunu umli u nagħrfu li aħna midinbin”, sostna l-Papa.